Qari mill-Ktieb tal-
Profeta Iżaija
Iż 1,10-17
Isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom prinċpijiet ta’ Sodoma; agħtu widen
għat-tagħlim ta’ Alla tagħna, intom nies ta’ Gomorra!
“X’tiswieli l-kotra
tas-sagrifiċċji tagħkom?
jgħid il-Mulej.
Xbajt mis-sagrifiċċji
tal-ħruq tal-bdabad,
u mix-xaħam tal-bhejjem smiem. Id-demm
tal-gniedes u l-ħrief, u
tal-imtaten ma jogħġobnix.
Meta tiġu taraw wiċċi,
min ifittex dawn mingħandkom, biex tiġu tikkalpestawli l-btieħi tiegħi?
Iġġibux iżjed offerti
fiergħa; sirt nistkerrhu
l-bħur, il-qamar ġdid,
is-Sibt, u l-laqgħat li ssejħu:
ma niflaħx għall-ħażen flimkien mal-festi. L-ewwel tax-xhur u l-festi tagħkom, jien nobgħodhom, piż huma għalija, għejejt nerfgħu.
Meta intom tiftħu idejkom,
jien inwarrab għajnejja minnkom;
ukoll jekk tkattru t-talb, jien ma nismagħkomx, għax idejkom mimlija demm.
Inħaslu u tnaddfu, neħħu l-ħażen ta’ għemilkom minn quddiem għajnejja,
ieqfu mill-ħażen.
Tgħallmu għamlu t-tajjeb,
fittxu d-dritt, sewwu
l-inġustizzji, iddefendu
l-iltim, aqbżu għall-armla.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R./ Lil min jimxi
bis-sewwa nurih
is-salvazzjoni ta’ Alla
Salm Responsorjali
Ma nċanfrekx
għas-sagrifiċċji tiegħek;
il-vittmi tiegħek maħruqa huma dejjem quddiemi.
Ma neħtieġ ebda għoġol minn tiegħek,
jew gidien
mill-imrieħel tiegħek.
R./ Lil min jimxi
bis-sewwa nurih
is-salvazzjoni ta’ Alla
Kif titkellem fuq
l-kmandamenti tiegħi,
u żżomm fuq xufftejk
il-patt tiegħi,
int, li tobgħod
it-twiddib,
u tixħet kliemi wara dahrek?
R./ Lil min jimxi
bis-sewwa nurih
is-salvazzjoni ta’ Alla
Dan int għamilt, u jien bqajt sieket; forsi ħsibt li jiena bħalek.
Issa se nċanfrek, u dan kollu nqiegħed quddiemek.
Min iroddli sagrifiċċju
ta’ radd il-ħajr, dan isebbaħni; lil min jimxi
bis-sewwa nurih
is-salvazzjoni ta’ Alla.
R./ Lil min jimxi
bis-sewwa nurih
is-salvazzjoni ta’ Alla
R:/ Hallelujah. Hallelujah
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba
s-sewwa, għax tagħhom hija
s-Saltna tas-Smewwiet.
R:/ Hallelujah. Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 10, 34-11, 1
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù qal
lill-appostli tiegħu:
“Taħsbux li jiena ġejt inġib il-paċi fuq l-art!
Ġejt inġib mhux il-paċi, imma s-sejf.
Iva ġejt nifred lill-bniedem minn missieru, lill-bint minn ommha, u lill-mara minn omm żewġha;
u l-bniedem ikollu n-nies ta’ daru stess għedewwa tiegħu.
Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi;
min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi.
U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma
jistħoqqlux li jkun miegħi.
Min isib lil ħajtu, jitlifha,
u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha.
Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili,
u min jilqa’ lili jkun jilqa’
lil dak li bagħatni.
Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem
ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu.
U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax
hu dixxiplu,
tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu.”
Meta mbagħad Ġesù temm jagħti dawn it-twissijiet
lit-tnax-il dixxiplu tiegħu, telaq minn hemm biex jipprietka fl-ibliet tagħhom.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu