Qari mill-Ktieb
tal-Proverbji
Prov 3, 27-34
Ibni: Min ħaqqu l-ġid tiċħadhulux, meta dan tista’ tagħmlu. Tgħidx lil għajrek: “Mur, u erġa’ ejja; nagħtik għada!”
meta għandek mnejn tagħtih. Tfassalx il-ħsara kontra għajrek, hu u jserraħ
bit-tama fik.
Titlewwimx ma’ ħaddieħor għal xejn b’xejn, jekk ma għamillek
l-ebda deni.
Tgħirx għall-bniedem vjolenti, u titħajjarx timxi fuq xi mġiba tiegħu;
għax min jimxi
bl-imgħawweġ jistkerrhu
l-Mulej, imma f’idejh huma dawk li jimxu bis-sewwa.
Is-saħta tal-Mulej f’dar
il-ħżiena, imma hu jbierek djar it-tajbin.
Min iżeblaħ lill-oħrajn jistmellu l-Mulej, imma
lit-twajbin jagħtihom
il-grazzja.
Il-Kelma tal-Mulej.
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Mulej, min joqgħod fuq l-għolja mqaddsa tiegħek?
Salm Responsorjali
Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,
min jgħid is-sewwa f’qalbu;
min ma jqassasx bi lsienu.
R:/ Mulej, min joqgħod fuq l-għolja mqaddsa tiegħek?
Min ma jagħmilx deni lil ġaru,
u ma jgħajjarx lil għajru;
min ma jistmax
lill-bniedem ħażin,
imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej.
R:/ Mulej, min joqgħod fuq l-għolja mqaddsa tiegħek?
Min jislef u ma jitlobx imgħax,
u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija.
Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek.
R:/ Mulej, min joqgħod fuq l-għolja mqaddsa tiegħek?
Hallelujah, Hallelujah
Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem
il-bnedmin,
biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom…
u jagħtu glorja lil Missierkom li hu
fis-smewwiet.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju ta’
San Luqa
Lq 8, 16-18
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-folla:
“Ħadd ma jixgħel musbieħ u jgħattih b’għatu jew iqiegħdu taħt sodda,
imma jqiegħdu fuq
l-imnara, biex kull min jidħol ġewwa jara d-dawl.
Għax ma hemm xejn moħbi li ma għadx jidher, u xejn ma hemm mistur li ma għadx jingħaraf u jinġieb għad-dawl.
Mela oqogħdu attenti kif tisimgħu! Għax min għandu, jingħatalu;
u min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li jaħseb li għandu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu