It-Tieni Ħadd
Sena Ċ
Glorja `l Alla fil-għoli
tas-smewwiet, u paċi fl-art
lill-bnedmin ta’ rieda tajba.
Infaħħruk, inberkuk, nadurawk, nagħtuk ġieh. Inroddulek ħajr għall-glorja kbira tiegħek.
Mulej Alla,
Sultan tas-sema,
Alla Missier li tista’ kollox. Mulej Iben waħdieni,
Ġesù Kristu,
Mulej Alla, Ħaruf ta’ Alla,
Bin il-Missier.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ħenn għalina.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ilqa’ t-talb tagħna. Int li qiegħed fuq il-lemin
tal-Missier, ħenn għalina. Għaliex Int waħdek Qaddis,
Int waħdek Mulej,
Int waħdek il-għoli,
Ġesù Kristu,
ma’ l-Ispirtu s-Santu:
fil-glorja tal-Missier Alla. Ammen.
It-Tieni Ħadd
Sena Ċ
Qari I
Alla huwa l-għarus li jitgħaxxaq b’għarustu.
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Iżaija Is 62, 1-5
Minħabba f’Sijon
ma nehdiex,
minħabba f’Ġerusalemm
ma niskotx,
sa ma tfeġġ bħal dija
l-ġustizzja tagħha,
tħeġġeġ bħal torċa
s-salvazzjoni tagħha.
Il-ġustizzja tiegħek
għad jarawha l-ġnus,
u s-sebħ tiegħek jarawh
is-slaten kollha.
B’isem ġdid għad isejħulek,
isem li għad jagħżlu
fomm il-Mulej.
Għad tkun kuruna ta’
ġmiel f’id il-Mulej,
u dijadema ta’ sultan
f’id Alla tiegħek.
Ma jgħidulekx aktar
l-Abbandunata,
lanqas lil artek l-Imħarbta.
Lilek għad isejħulek
Għaxqti Fiha,
u lil artek għad
jgħidulha Għarusa,
għax l-għaxqa tal-Mulej
fik, u artek għad titgħarras.
Bħalma għarus
jitgħarras xebba,
hekk jitgħarrsek
il-Bennej tiegħek;
u bħalma l-għarus
jitgħaxxaq b’għarustu,
hekk jitgħaxxaq bik
Alla tiegħek.
Il-Kelma tal-Mulej
℟ Irroddu ħajr lill Alla
Salm Responsorjali
Salm 95, 1-2a. 2b-3. 7-8a. 9-10aċ
℟ Xandru fost il-popli kollha
l-għeġubijiet tal-Mulej
Għannu lill-Mulej
għanja ġdida;
għannu lill-Mulej
fl-art kollha!
Għannu lill-Mulej,
bierku ismu!
℟ Xandru fost il-popli kollha
l-għeġubijiet tal-Mulej
Ħabbru minn jum
għal ieħor is-salvazzjoni
tiegħu.
Xandru fost il-ġnus
is-sebħ tiegħu,
fost il-popli kollha
l-għeġubijiet tiegħu.
℟ Xandru fost il-popli kollha
l-għeġubijiet tal-Mulej
Agħtu lill-Mulej,
familji tal-popli,
agħtu lill-Mulej
sebħ u qawwa;
agħtu lill-Mulej
is-sebħ ta’ ismu!
℟ Xandru fost il-popli kollha
l-għeġubijiet tal-Mulej
Inxteħtu quddiem
il-Mulej b’tiżjin qaddis;
triegħdu quddiemu,
nies kollha tal-art!
Għidu fost il-ġnus:
“Il-Mulej isaltan!”
Hu jiġġudika l-popli
bis-sewwa.
℟ Xandru fost il-popli kollha
l-għeġubijiet tal-Mulej
Qari II
L-istess Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu.
Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu
lill-Korintin 1 Kor 12, 4-11
Ħuti, hemm diversi doni,
imma l-istess wieħed
hu l-Ispirtu;
hemm diversi ministeri,
imma l-istess wieħed
hu l-Mulej;
hemm diversi ħidmiet,
imma l-istess Alla,
li jaħdem kollox f’kulħadd.
Lil kull wieħed tingħata
r-rivelazzjoni tal-Ispirtu
għall-ġid ta’ kulħadd:
lil wieħed kliem l-għerf,
mill-istess Spirtu;
lil ieħor il-kelma tas-sapjenza
mill-istess Spirtu;
lil ieħor il-fidi
mill-istess Spirtu;
lil ieħor id-don tal-fejqan
mill-istess Spirtu;
lil ieħor is-setgħa tal-mirakli;
lil ieħor id-don tal-profezija;
lil ieħor id-don tal-għażla
tal-ispirti;
lil ieħor diversi ilsna;
lil ieħor it-tifsir tal-ilsna.
Dan kollu jaħdmu
l-istess Spirtu wieħed,
li jqassam lil kull
wieħed kif jogħġbu.
Il-Kelma tal-Mulej
℟ Irroddu ħajr lill Alla
Hallelujah, Hallelujah
2 Tess 2, 14
Għal dan Alla sejħilkom
permezz tal-Evanġelju,
biex ikollkom sehem
fil-glorja ta’ Ġesù Kristu.
Hallelujah, Hallelujah
Evanġelju
Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija
kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu.
Qari mill-Evanġelju
skond San Ġwann Ġw 2, 1-11
F’dak iż-żmien,
sar tieġ f’Kana tal-Galilija,
u omm Ġesù kienet hemm.
Ġesù kien mistieden
għat-tieġ hu wkoll flimkien
mad-dixxipli tiegħu.
Billi ma kienx fadal
iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu:
“Ma għandhomx inbid”.
U Ġesù qalilha:
“X’hemm bejni u bejnek,
mara? Is-siegħa tiegħi
għadha ma waslitx”.
Omm Ġesù
qalet lill-qaddejja:
“Agħmlu kulma
jgħidilkom hu”.
Issa kien hemm sitt ġarar
tal-ħaġar, imqiegħda hemm
għar-rit tal-purifikazzjoni
tal-Lhud,
kull waħda minnhom
tasa’ xi mitt jew mija u
għoxrin litru.
Ġesù qal lill-qaddejja:
“Imlew il-ġarar bl-ilma”.
U dawk imlewhom sax-xifer.
Imbagħad qalilhom:
“Issa ħudu minnu u
newluh lil dak li qiegħed
jieħu ħsieb il-mejda”.
U huma marru jagħtuhulu.
Hu daq l-ilma mibdul fi nbid;
u billi ma kienx jaf mnejn ġie,
għalkemm il-qaddejja
li ħadu mill-ilma kienu jafu,
sejjaħ lill-għarus u qallu:
“Kulħadd l-inbid it-tajjeb
iservi l-ewwel;
meta mbagħad ikun ħadhom
iġibu dak li jkun inqas tajjeb.
Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa”.
Dan li għamel Ġesù f’Kana
tal-Galilija kien l-ewwel
wieħed fost is-sinjali tiegħu.
Bih wera l-glorja tiegħu u
d-dixxipli tiegħu emmnu fih.
Il-Kelma tal-Mulej
℟ Tifħir lilek Kristu
It-Tieni Ħadd
Sena Ċ
Jiena nemmen f’Alla wieħed,
il-Missier li jista’ kollox,
li ħalaq is-sema u
l-art, dak kollu li jidher
u dak li ma jidhirx.
U f’Mulej wieħed Ġesù Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla,
imnissel mill-Missier
qabel kull żmien.
Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul, natura waħda mal-Missier
u bih sar kollox.
Niżel mis-smewwiet għalina
l-bnedmin u għall-fidwa
tagħna. U ħa l-ġisem
bis-setgħa tal-Ispirtu
s-Santu minn Marija Verġni
u sar bniedem. Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh,
u fit-tielet jum qam
minn bejn l-imwiet, skont
il-Kotba mqaddsa,
u tela’ s-sema, u qieghed fuq
il-lemin tal-Missier.
U għandu jerġa jiġi
bil-glorja biex jagħmel ħaqq
mill-ħajjin u mill-mejtin, u
s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem. U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja li ġej mill-Missier u mill-Iben:
li Hu meqjum u mweġġah flimkien mal-Missier u
mal-Iben. Hu li tkellem b’fomm il-profeti.
U fi Knisja waħda,
qaddisa, kattolika,appostolika.
Nistqarr magħmudija waħda
għall-maħfra tad-dnubiet.
U nistenna l-qawma
mill-imwiet, u l-ħajja
taż-żmien li ġej.
Ammen.
It-Tieni Ħadd
Sena Ċ