Qari mit-Tieni Ktieb
tas- Slaten
2 Slaten 24, 8-17
Ġehojakin kellu tmintax-il sena meta sar sultan, u dam isaltan tliet xhur f’Ġerusalemm;
ommu kien jisimha Neħusta bint Elnatan, minn Ġerusalemm. Huwa għamel il-ħażin quddiem il-Mulej,
bħal dak kollu li għamel missieru. F’dik il-ħabta
l-qaddejja ta’ Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja,
telgħu għal Ġerusalemm, u l-belt għalquha f’assedju. Nabukodonosor resaq huwa wkoll għall-belt,
waqt li l-qaddejja tiegħu kienu qegħdin idawruha minn kullimkien.
Imbagħad Ġehojakin, sultan ta’ Ġuda, mar quddiem
is-sultan ta’ Babilonja, hu, ommu, il-qaddejja tiegħu, u
l-kbarat u l-fizzjali tiegħu;
u s-sultan ta’ Babilonja qabdu priġunier fit-tmien sena tas-saltna tiegħu.
Dan ġarr minn hemm
it-teżori kollha tat-tempju tal-Mulej u t-teżori
tal-palazz tas-sultan,
u farrak it-tagħmir kollu
tad-deheb li Salamun, sultan ta’ Iżrael, kien għamel
fit-tempju tal-Mulej; hekk seħħet il-kelma tal-Mulej.
U ġarr fil-jasar lil Ġerusalemm kollha,
il-kapijiet u l-qalbenin kollha tal-eżerċtu, għaxart elef ilsir,
u l-ħaddieda u
l-mastrudaxxi kollha;
min-nies tal-pajjiż ma kienx fadal ħlief il-fqar.
U ġarr fil-jasar f’Babilonja lil Ġehojakin, lil omm
is-sultan, in-nisa tas-sultan, il-fizzjali tiegħu u l-kbarat tal-pajjiż;
ħadhom fl-eżilju minn Ġerusalemm f’Babilonja.
Is-suldati kollha, sebat elef raġel; u l-ħaddieda u
l-mastrudaxxi kollha, elf ruħ;
u l-qalbenin kollha tajbin għall-gwerra; ilkoll ġarrhom is-sultan ta’ Babilonja
fl-eżilju ta’ Babilonja.
Minflok Ġehojakin,
is-sultan ta’ Babilonja
għamel sultan lil Mattanija, zijuh, u bidillu ismu f’Sedekija.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Mulej, eħlisna u aħfrilna dnubietna, minħabba l-isem tiegħek
Salm Responsorjali
O Alla, daħlu l-ġnus f’wirtek,
niġġsu t-tempju mqaddes tiegħek,
għamlu ’l Ġerusalemm ħerba waħda.
Taw l-iġsma tal-qaddejja tiegħek b’ikel lit-tjur
tal-ajru;
taw laħam ħbiebek
lill-bhejjem tal-art.
R:/ Mulej, eħlisna u aħfrilna dnubietna, minħabba l-isem tiegħek
Xerrdulhom demmhom bħal ilma madwar Ġerusalemm;
u ma kienx hemm min jidfinhom.
Waqajna għaċ-ċajt
mal-ġirien tagħna,
għad-daħk u ż-żebliħ għal ta’ madwarna.
Mulej, għal dejjem se tibqa’ inkurlat magħna?
Se tibqa’ mkebbsa bħan-nar il-ħeġġa tiegħek?
R:/ Mulej, eħlisna u aħfrilna dnubietna, minħabba l-isem tiegħek
Tiftakrilniex il-ħtijiet
tal-imgħoddi;
fittex ejja u lqagħna bi ħnientek,
għax ninsabu mifnija
għall-aħħar.
Għinna, o Alla, Salvatur tagħna,
f’ġieħ is-sebħ tal-isem tiegħek;
eħlisna u aħfrilna dnubietna, minħabba l-isem tiegħek.
R:/ Mulej, eħlisna u aħfrilna dnubietna, minħabba l-isem tiegħek
Hallelujah, Hallelujah
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej;
u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 7, 21-29
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:
“Mhux kull min jgħidli: ‘Mulej, Mulej’, jidħol
fis-Saltna tas-Smewwiet,
iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu
fis-smewwiet!
F’dak il-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli:
‘Mulej, Mulej, mhux f’ismek ħabbarna aħna, u mhux f’ismek keċċejna
x-xjaten u f’ismek għamilna ħafna mirakli?’.
Imbagħad jien ngħidilhom: ‘Lilkom qatt ma kont nafkom! Warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen!’.
Għalhekk, kull min jisma’
dan kliemi u jagħmel li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat.
Niżlet ix-xita, ġew
il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, iżda ma ġġarrfitx għax kellha s-sisien tagħha fuq il-blat.
Imma kull min jisma’ dan kliemi u ma jagħmilx li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem iblah li bena daru fuq ir-ramel.
Niżlet ix-xita, ġew
il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, u ġġarrfet; u kbira kienet
il-qerda tagħha!”.
Ġara li, meta Ġesù temm
dan id-diskors, in-nies baqgħu mistagħġba
bit-tagħlim tiegħu,
għax hu kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu
s-setgħa, u mhux
bħall-kittieba tagħhom.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu