Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu
lill-Efesin
Efes 4, 32-5, 8
Ħuti, kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu.
Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba, u imxu fl-imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabb lilna u ta lilu nnifsu għalina,
offerta u sagrifiċċju jfuħu quddiem Alla.
Żína u kull xorta ta’ faħx jew regħba, ebda waħda minnhom ma għandha biss tissemma fostkom, kif jixraq lill-qaddisin.
U anqas kliem baxx u kliem iblah, jew ċajt mhux sewwa, kollha ħwejjeġ li ma jixirqux; imma aktar għandu jkun hemm fostkom radd il-ħajr.
Għax dan kunu afu: li ebda żieni jew faħxi jew rgħib – li hu idolatra – ma jkollu wirt fis-Saltna ta’ Kristu u ta’ Alla.
Tħallu lil ħadd iqarraq bikom bi kliem fieragħ, għaliex minħabba f’hekk tinżel il-korla ta’ Alla fuq dawk li ma jisimgħux.
Mela tissieħbu qatt magħhom! Intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej; għixu ta’ wlied id-dawl li intom.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R./ Inkunu nixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba
Salm Responsorjali
Hieni l-bniedem li ma
jimxix fuq il-pariri
tal-ħżiena,
li ma jiqafx fi triq
il-ħatjin,
li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;
imma fil-liġi tal-Mulej hi
l-għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu
R./ Inkunu nixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba
Hu bħal siġra mħawla
ħdejn nixxigħat
tal-ilma li tagħmel
il-frott fi żmienha,
u l-weraq tagħha ma
jidbielx;
hu jirnexxi f’kulma
jagħmel.
R./ Inkunu nixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba
Mhux hekk il-ħżiena,
mhux hekk;
iżda huma bħal tibna
li jtajjarha r-riħ.
Għax triq it-tajbin
il-Mulej jafha;
imma triq il-ħżiena
tintemm fix-xejn.
R./ Inkunu nixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba
Hallelujah, Hallelujah
Il-kelma tiegħek, Mulej, hi l-verità;
qaddisna permezz
tal-verità.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Luqa
Lq 13, 10-17
R:/ Glorja lilek Mulej
Darba s-Sibt kien qiegħed jgħallem f'waħda
mis-sinagogi.
U kien hemm mara li kienet ilha tmintax – il sena bi spirtu li kien imarradha;
kienet milwija ħafna, u ma kinitx tista' tieqaf dritta għalkollox. Kif raha Ġesù sejħilha u qalilha:
“Mara, inti meħlusa
mill-mard tiegħek.”
U qegħdilha idejh fuqha,
u minnufih waqfet dritta u bdiet tfaħħar lil Alla.
Qabeż il-kap tas-sinagoga, b’saħna fuqu għax Ġesù fejjaq f’jum is-Sibt, u qal lin-nies:
“Hemm sitt ijem li fihom
wieħed għandu jaħdem;
mela fihom ejjew biex titfejqu, u mhux is-Sibt!”
“Uċuħ b'oħra!”
wieġbu l-Mulej,
“Mhux kull wieħed
minnkom f'jum is-Sibt
iħoll il-barri jew il-ħmar
tiegħu mill-maxtura u jieħdu biex jisqih?
U mela għax illum is-Sibt, din il-mara, bint Abraham,
ma kellhiex tinħall
mill-irbit li fih ix-Xitan ilu jżommha għal tmintax-il sena sħaħ?”
Kif qal hekk, kull min kien kontra tiegħu regħex
bil-mistħija;
iżda n-nies ilkoll ferħu għal dawk l-għeġubijet kollha li kien qiegħed jagħmel.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu