Glorja `l Alla fil-għoli
tas-smewwiet, u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba.
Infaħħruk,
inberkuk,
nadurawk,
nagħtuk ġieh.
Inroddulek ħajr
għall-glorja kbira tiegħek. Mulej Alla, Sultan
tas-sema,
Alla Missier li tista’ kollox.
Mulej Iben waħdieni, Ġesù Kristu,
Mulej Alla, Ħaruf ta’ Alla, Bin il-Missier.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ħenn għalina.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ilqa’ t-talb tagħna.
Int li qiegħed fuq il-lemin tal-Missier, ħenn għalina. Għaliex Int waħdek Qaddis, Int waħdek Mulej,
Int waħdek il-għoli,
Ġesu’ Kristu, ma’ l-Ispirtu
s-Santu:
fil-glorja tal-Missier Alla.
Ammen.
Qari mit-Tieni Ktieb
tas-Slaten
2 Slat 4, 8-11.14-16a
Ġurnata waħda Eliżew kien għaddej minn Sunem. Hawn kienet toqgħod mara għanja, u din ġagħlitu joqgħod jiekol għandha;
u kull meta kien jgħaddi minn hemm kien idur għal għandha biex jiekol hemm. U hi qalet lil żewġha:
“Ara, jien żgura li dan
ir-raġel, li jgħaddi għandna sikwit, hu raġel qaddis ta’ Alla.
Ħa ntellgħulu għorfa fuq
is-setaħ, u nqegħdulu fiha sodda, mejda, siġġu u mnara u meta jgħaddi għandna, ikun jista’ jidħol fiha”.
U ġurnata waħda wasal hemm, u daħal fl-għorfa, u raqad hemm. U Eliżew qal lil Ġeħażi, il-qaddej tiegħu:
“X’nistgħu nagħmlulha lil din il-mara?”.
U Ġeħażi wieġbu:
“Jaħasra, ma għandhiex tfal, u żewġha xiħ!”.
U wieġbu:
“Sejħilha”.
U dak sejħilha u ġiet
fil-bieb. U Eliżew qalilha:
“Bħal dan iż-żmien sena, int tkun tħaddan iben”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni
Salm Responsorjali
It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni;
f’kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.
Għax jien għedt:
“Tjubitek tibqa’ sħiħa għal dejjem;
bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek”.
R/. It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni
Hieni l-poplu li jaf jgħajjat bil-ferħ,
li jimxi, Mulej, fid-dawl ta’ wiċċek.
B’ismek jithennew il-jum kollu,
u bil-ġustizzja tiegħek jifirħu.
R/. It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni
Għax inti l-foħrija
tal-qawwa tagħhom;
għal tjubitek nerfgħu rasna fl-għoli.
Għax il-Mulej it-tarka tagħna,
il-Qaddis ta’ Iżrael
is-sultan tagħna.
R/. It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni
Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu
lir-Rumani
Rum 6, 3-4.8-11
Ħuti, ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna
fil-mewt tiegħu?
Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija
sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża
tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida.
Jekk aħna mitna ma’ Kristu, nemmnu wkoll li għad ngħixu ma’ Kristu.
Nafu li Kristu qam
mill-imwiet u ma jmutx aktar; il-mewt ma għadhiex taħkem fuqu.
Hu li miet, miet darba għal dejjem għad-dnub; u issa li qiegħed jgħix, qiegħed jgħix għal Alla.
Hekk ukoll intom għandkom tqisu lilkom infuskom mejtin
għad-dnub, iżda ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
Hallelujah, Hallelujah
Intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis,
biex ixxandru t-tifħir ta’ dak li sejħilkom mid-dlam
għad-dawl tiegħu
tal-għaġeb.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 10, 37-42
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-appostli tiegħu:
“Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi;
min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi.
U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi. Min isib lil ħajtu, jitlifha;
u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha. Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni.
Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu.
U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu,
tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
Jiena nemmen f’Alla wieħed, il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u
l-art, dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx.
U f’Mulej wieħed Ġesù Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla,
imnissel mill-Missier
qabel kull żmien.
Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul, natura waħda mal-Missier u bih sar kollox.
Niżel mis-smewwiet għalina
l-bnedmin u għall-fidwa
tagħna.
U ħa l-ġisem
bis-setgħa tal-Ispirtu
s-Santu minn Marija Verġni u sar bniedem.
Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh, u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet, skont
il-Kotba mqaddsa,
u tela’ s-sema, u qieghed fuq
il-lemin tal-Missier.
U għandu jerġa jiġi
bil-glorja biex jagħmel ħaqq
mill-ħajjin u mill-mejtin, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.
U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja li ġej
mill-Missier u mill-Iben:
li Hu meqjum u mweġġah flimkien mal-Missier u
mal-Iben. Hu li tkellem b’fomm il-profeti.
U fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika, appostolika.
Nistqarr magħmudija waħda
għall-maħfra tad-dnubiet.
U nistenna l-qawma
mill-imwiet, u l-ħajja
taż-żmien li ġej.
Ammen.