Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Eżekjel
Eżek 9, 1-7; 10, 18-22
F’dak iż-żmien, il-Mulej għajjat f’widnejja b’leħen qawwi u qal:
“Ersqu intom li se tikkastigaw il-belt, kull wieħed minnkom bl-armi qerrieda f’idu”.
U ara, jersqu sitt irġiel
min-naħa tal-bieb ta’ fuq, li jħares lejn it-Tramuntana, kull wieħed minnhom
bl-armi f’idu biex ifarrak.
F’nofshom kien hemm raġel ieħor liebes l-għażel u kellu fuq ġenbu l-meħtieġ
għall-kitba.
Dawn l-irġiel marru u qagħdu ħdejn l-altar
tal-bronż.
Il-glorja ta’ Alla ta’ Iżrael intrefgħet ’il fuq
mill-kerubini, għax kienet fuqhom, u marret fid-daħla tat-tempju.
Imbagħad il-Mulej sejjaħ
lir-raġel liebes l-għażel, li kellu l-meħtieġ għall-kitba fuq ġenbu, u qallu:
“Għaddi minn nofs il-belt, minn nofs Ġerusalemm,
u agħmel il-marka taw fuq ġbin dawk li ssibhom jitniehdu u jitbikkew minħabba l-qżiżijiet kollha li jsiru fiha”.
U lill-oħrajn smajtu
jgħidilhom:
“Għaddu warajh minn nofs il-belt, u sawtu; tħossu għal ħadd u taħfruha ’l ħadd; xjuħ, żgħażagħ, xebbiet, tfal, nisa,
oqtluhom sal-aħħar wieħed; imma tersqu lejn ħadd minn dawk li għandhom
il-marka fuq ġbinhom. Ibdew mis-santwarju tiegħi!”.
U qalilhom:
“Ipprofanaw it-tempju, imlew il-btieħi tiegħi
bil-maqtulin. Oħorġu!”.
U huma ħarġu u bdew joqtlu fil-belt. Imbagħad il-glorja
tal-Mulej telqet mid-daħla tat-tempju, u qagħdet fuq
il-kerubini;
u l-kerubini fetħu ġwenħajhom, ħarġu u ntrefgħu mill-art quddiem għajnejja, bir-roti maġenbhom.
Imbagħad waqfu ħdejn
it-tempju tal-Mulej fid-daħla tal-bieb li jagħti għal-Lvant,
bil-glorja ta’ Alla ta’ Iżrael fuqhom, min-naħa ta’ fuq.
Dawn kienu l-istess ħlejjaq ħajjin li kont rajt taħt Alla ta’ Iżrael ħdejn ix-xmara Kebar; u għaraft li kienu kerubini.
Kull waħda mill-ħlejjaq ħajjin kellha erba’ wċuħ u erba’ ġwienaħ, b’sura ta’ id ta’ bniedem taħt ġwenħajhom.
U minn suret wiċċhom kienu l-istess uċuħ li kont rajt ħdejn ix-xmara Kebar.
Kull waħda minnhom kienet miexja ’l quddiem.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R./ Ogħla mis-smewwiet hu sebħ il-Mulej
Salm Responsorjali
Faħħru, qaddejja tal-Mulej,
faħħru isem il-Mulej.
Ikun isem il-Mulej imbierek,
minn issa u għal dejjem!
R./ Ogħla mis-smewwiet hu sebħ il-Mulej
Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha
ikun imfaħħar isem
il-Mulej!
Għoli fuq il-ġnus kollha
l-Mulej,
ogħla mis-smewwiet hu sebħu.
R./ Ogħla mis-smewwiet hu sebħ il-Mulej
Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna, li qiegħed
fl-għoli? Hu li jħares ’l isfel, lejn is-smewwiet u lejn l-art.
R./ Ogħla mis-smewwiet hu sebħ il-Mulej
Hallelujah, Hallelujah
Alla kien li ħabbeb
il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,
u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 18, 15-20
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù qal
lid-dixxipli tiegħu:
“Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk.
Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kulma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta.
Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid
lill-knisja.
U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan u pubblikan.
Tassew ngħidilkom, li kulma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kulma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema.
Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa,
Missieri li hu fis-smewwiet, jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu