Il-Ħames Qari
Ersqu lejja, isimgħu u tieħdu r-ruħ.
Qari mill-Ktieb tal-
Profeta Isaija
Is 55, 1-11
Dan jgħid il-Mulej:
“Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma; intom ukoll li m’għandkomx flus. Ejjew, ixtru u kulu b’xejn,
inbid u ħalib bla ħlas.
Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhuwiex ħobż,
u ġidkom f’dak li ma jxebbax?
Isimgħu minni, u tieklu tajjeb, u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin. Agħtuni widen u ersqu lejja, isimgħu u tieħdu r-ruħ.
Nagħmel patt magħkom għal dejjem, biex iseħħu
l-favuri mwiegħda lil David. Ara, jien qegħedtu xhud fost il-ġnus,
prinċep u leġiżlatur fuq
il-popli. Int ġens li ma tafx bih issejjaħ; ġnus li ma jafukx jiġru lejk, minħabba fil-Mulej, Alla tiegħek,
il-Qaddis ta’ Iżrael, għax lilek żejjen bil-ġieħ.
Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh, sejħulu sakemm hu fil-qrib!
Ħa jħalli triqtu l-midneb,
u l-bniedem il-ħażin fehmietu;
ħa jerġa’ lura għand
il-Mulej u jħenn għalih, għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.
Il-fehmiet tiegħi mhumiex fehmietkom, u t-triqat tiegħi mhumiex triqatkom.
Oraklu tal-Mulej.
Għax daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art,
daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom,
u l-fehmiet tiegħi
mill-fehmiet tagħkom. Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet,
u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art,
imma jġegħluha tnissel u tnibbet,
u tagħti ż-żerriegħa lil min jiżra’ u l-ħobż lil min jiekol, hekk jiġri minn kelmti:
hija toħroġ minn fommi,
u ma terġax lura vojta,
imma tagħmel dak li jogħġob lili, u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Kollkom ferħana, timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni
Salm Responsorjali
Ara, Alla s-salvazzjoni tiegħi,
jiena nittama u ma jkollix mniex nibża’.
Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,
għalija sar is-salvazzjoni.
R:/ Kollkom ferħana, timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni
Kollkom ferħana timlew
l-ilma mill-għejun
tas-salvazzjoni.
Roddu ħajr lill-Mulej, sejħu ismu,
għarrfu lill-ġnus
bl-għemejjel tiegħu,
xandru li ismu huwa
fl-għoli.
R:/ Kollkom ferħana, timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni
Għannu lill-Mulej
għax għamel ħwejjeġ kbar;
ħa jkun dan magħruf
mal-art kollha.
Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f’Sijon,
għax kbir hu f’nofsok
il-Qaddis ta’ Iżrael!
R:/ Kollkom ferħana, timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni
Il-Ħames Qari
Ersqu lejja, isimgħu u tieħdu r-ruħ.