Glorja `l Alla fil-għoli
tas-smewwiet, u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba.
Infaħħruk,
inberkuk,
nadurawk,
nagħtuk ġieh.
Inroddulek ħajr
għall-glorja kbira tiegħek. Mulej Alla, Sultan
tas-sema,
Alla Missier li tista’ kollox.
Mulej Iben waħdieni, Ġesù Kristu,
Mulej Alla, Ħaruf ta’ Alla, Bin il-Missier.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ħenn għalina.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ilqa’ t-talb tagħna.
Int li qiegħed fuq il-lemin tal-Missier, ħenn għalina. Għaliex Int waħdek Qaddis, Int waħdek Mulej,
Int waħdek il-għoli,
Ġesu’ Kristu, ma’ l-Ispirtu
s-Santu:
fil-glorja tal-Missier Alla.
Ammen.
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Iżaija
Is 25, 6-10a
Jagħmel il-Mulej tal-eżerċti
għall-popli kollha fuq din il-muntanja, mejda b’ikel fin, mejda bi nbejjed ħelwa,
b’laħam imsemmen
bil-mudullun, u nbejjed fini.
U jċarrat minn fuq din
il-muntanja l-velu li kien jgħatti wiċċ il-popli kollha,
għata li kien jaħbi kollha kemm huma l-ġnus.
Jeqred il-mewt għal dejjem, jixxotta Sidi l-Mulej
id-dmugħ minn fuq kull wiċċ,
u jħassar l-għajb
tal-poplu tiegħu minn wiċċ l-art kollha:
għax il-Mulej tkellem.
U dakinhar jgħidu:
“Dan hu Alla tagħna:
fih ittamajna li jsalvana;
dan hu l-Mulej li fih ittamajna:
nifirħu u nithennew
bis-salvazzjoni tiegħu.
Għax id il-Mulej tinżel fuq din il-muntanja”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Ngħammar f’dar
il-Mulej sakemm indum ħaj!
Salm Responsorjali
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni.
R:/ Ngħammar f’dar
il-Mulej sakemm indum ħaj!
Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni.
R:/ Ngħammar f’dar
il-Mulej sakemm indum ħaj!
Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli.
R:/ Ngħammar f’dar
il-Mulej sakemm indum ħaj!
Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj!
R:/ Ngħammar f’dar
il-Mulej sakemm indum ħaj!
Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu
lill-Filippin
Fil 4, 12-14.19-20
Ħuti, naf ngħix fl-għaks; u naf ngħix fil-ġid; kollox drajt u noqgħod għal kollox: ix-xaba’ u l-ġuħ,
il-ġid u l-għaks.
Għal kollox niflaħ
bis-saħħa ta’ dak li jqawwini. Għamiltu sewwa ħafna meta qsamtu miegħi tbatijieti.
Jimliekom Alla tiegħi b’kull ġid fil-ħtieġa tagħkom, skond l-għana tal-glorja fi Kristu Ġesù.
Lil dan Alla u Missierna, glorja għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
Hallelujah, Hallelujah
Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja,
jagħtikom spirtu ta’ għerf
biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 22, 1-14
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien,
lill-qassisin il-kbar u
lix-xjuħ tal-poplu Ġesù raġa’ qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom:
“Is-saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu.
U bagħat għall-mistednin
mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu.
U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom:
‘Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta;
il-barrin u l-għoġiela msemmna diġa’ maqtula u kollox lest; ejjew
għall-festa’.
Iżda dawk ma tawx kas;
min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u
l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom.
Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom.
Imbagħad qal lill-qaddejja tiegħu:
‘Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha.
Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu’.
Dawk il-qaddejja ħarġu
fit-triqat u ġabru lil kull
min sabu, ħżiena u tajba,
u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
Jiena nemmen f’Alla wieħed, il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u
l-art, dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx.
U f’Mulej wieħed Ġesù Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla,
imnissel mill-Missier
qabel kull żmien.
Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul, natura waħda mal-Missier u bih sar kollox.
Niżel mis-smewwiet għalina
l-bnedmin u għall-fidwa
tagħna.
U ħa l-ġisem
bis-setgħa tal-Ispirtu
s-Santu minn Marija Verġni u sar bniedem.
Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh, u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet, skont
il-Kotba mqaddsa,
u tela’ s-sema, u qieghed fuq
il-lemin tal-Missier.
U għandu jerġa jiġi
bil-glorja biex jagħmel ħaqq
mill-ħajjin u mill-mejtin, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.
U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja li ġej
mill-Missier u mill-Iben:
li Hu meqjum u mweġġah flimkien mal-Missier u
mal-Iben. Hu li tkellem b’fomm il-profeti.
U fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika, appostolika.
Nistqarr magħmudija waħda
għall-maħfra tad-dnubiet.
U nistenna l-qawma
mill-imwiet, u l-ħajja
taż-żmien li ġej.
Ammen.