Hi se jkollha iben, u inti ssemmih
Ġesù
Ir-4 Ħadd tal-Avvent
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Is 7, 10-14
F’dak iż-żmien, il-Mulej issokta jkellem lil Aħaż u jgħidlu:
“Itlob sinjal għalik mingħand il-Mulej, Alla tiegħek, f’qiegħ l-art jew
fl-għoli tas-smewwiet”.
Aħaż wieġeb:
“Ma nitlobx: ma rridx nittanta lill-Mulej”.
U l-profeta wieġeb:
“Isimgħu, mela, dar David! Mhux biżżejjed għalikom li tkiddu
lill-bnedmin, biex issa se tkiddu lil Alla tiegħi?
Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess: Araw, ix-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-El”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lill Alla
Salm Responsorjali
℟:/ Ħa jidħol il-Mulej, hu s-Sultan tal-glorja
Tal-Mulej hi l-art u kull ma fiha,
id-dinja u kull ma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra waqqafha
u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha.
℟:/ Ħa jidħol il-Mulej, hu s-Sultan tal-glorja
Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej,
min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu idejh indaf u qalbu safja,
min ma jagħtix ruħu
għall-frugħa.
℟:/ Ħa jidħol il-Mulej, hu s-Sultan tal-glorja
Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh;
li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb.
℟:/ Ħa jidħol il-Mulej, hu s-Sultan tal-glorja
Bidu tal-Ittra ta’
San Pawl Appostlu
lir-Rumani
Rum 1, 1-7
Pawlu, qaddej ta’ Kristu Ġesù, imsejjaħ biex ikun appostlu, maħtur
għall-Evanġelju ta’ Alla.
Dan hu l-Evanġelju li Alla
kien wiegħed permezz
tal-profeti fil-Kotba Mqaddsa dwar Ibnu Ġesù Kristu Sidna li, skond it-tnissil tal-ġisem,
twieled min-nisel ta’ David, u, skond l-Ispirtu s-Santu, ġie rivelat bħala l-Iben ta’ Alla b’kull qawwa permezz
tal-qawmien mill-imwiet.
Bih aħna rċevejna l-grazzja tal-appostolat biex inwasslu għall-ubbidjenza tal-fidi
l-bnedmin fost il-ġnus kollha għall-ġieħ ta’ ismu.
Fosthom tinsabu intom ukoll, imsejħin biex tkunu ta’ Ġesù Kristu; lill-maħbubin kollha ta’ Alla li jinsabu Ruma msejħin biex ikunu qaddisin:
grazzja lilkom u sliem mingħand Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu.
Ejja Mulej Ġesù
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lill Alla
Hallelujah, Hallelujah
Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben,
u jsemmuh Għimmanu-El: “Alla magħna”.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 1, 18-24
R:/ Glorja lilek Mulej
It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk:
ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma
tal-Ispirtu s-Santu.
Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies.
Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu
tal-Mulej fil-ħolm u qallu:
“Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu.
Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”.
Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal:
“Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El”,
li bi lsienna jfisser
“Alla magħna”.
Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu
tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
Hi se jkollha iben, u inti ssemmih
Ġesù
Ir-4 Ħadd tal-Avvent
Jiena nemmen f’Alla wieħed, il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u
l-art, dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx.
U f’Mulej wieħed Ġesù Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla,
imnissel mill-Missier
qabel kull żmien.
Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul, natura waħda mal-Missier u bih sar kollox.
Niżel mis-smewwiet għalina
l-bnedmin u għall-fidwa
tagħna.
U ħa l-ġisem
bis-setgħa tal-Ispirtu
s-Santu minn Marija Verġni u sar bniedem.
Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh, u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet, skont
il-Kotba mqaddsa,
u tela’ s-sema, u qieghed fuq
il-lemin tal-Missier.
U għandu jerġa jiġi
bil-glorja biex jagħmel ħaqq
mill-ħajjin u mill-mejtin, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.
U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja li ġej
mill-Missier u mill-Iben:
li Hu meqjum u mweġġah flimkien mal-Missier u
mal-Iben. Hu li tkellem b’fomm il-profeti.
U fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika, appostolika.
Nistqarr magħmudija waħda
għall-maħfra tad-dnubiet.
U nistenna l-qawma
mill-imwiet, u l-ħajja
taż-żmien li ġej.
Ammen.