Qari mill-Ktieb tal-
Profeta Għamos
Għam 3, 1-8; 4, 11-12
Ulied Iżrael, isimgħu din
il-kelma, li l-Mulej qal kontrikom, u kontra
t-tribujiet kollha, li jien tellajt minn art l-Eġittu.
Huwa qal:
“Mir-razez kollha tal-art ma ridt naf b’ħadd ħliefkom; għalhekk se nikkastigakom minħabba l-ħażen kollu tagħkom.
Forsi tnejn min-nies se jimxu flimkien jekk ma jiftehmux? L-iljun se jriegħed fil-foresta jekk ma jsibx il-priża?
Il-ferħ tal-ljun se jsamma’ leħnu fl-għar tiegħu jekk ma jkun qabad xejn?
L-għasfur se jaqa’ f’wiċċ
l-art, jekk ma jkunx hemm ix-xbiek? Se jinqaleb
il-mansab mal-art, jekk ma jkunx hemm x’jaqbad?
Forsi tindaqq it-tromba
fil-belt u l-poplu ma jibżax? Se tiġri xi ħsara f’belt, jekk ma jkunx għamilha l-Mulej?
Għax ebda ħaġa ma jagħmel Sidi l-Mulej, jekk ma jurix il-ħwejjeġ moħbija tiegħu lill-qaddejja tiegħu l-profeti.
L-iljun jgħajjat: min ma jibżax?
Sidi l-Mulej jitkellem:
min ma jħabbarx?
Jiena qlibtkom ta’ taħt fuq,
kif Alla qaleb lil Sodoma u Gomorra;
kontu bħal ħerba meħlusa minn ħuġġieġa, imma intom ma rġajtux għal għandi.”
Oraklu tal-Mulej.
Mela dan se nagħmillek, Iżrael; u la darba se nagħmillek hekk, ħejji ruħek, biex tiltaqa’ ma’ Alla tiegħek, O Iżrael.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Mexxini, Mulej,
fis-sewwa tiegħek
Salm Responsorjali
Int m’intix Alla li tħobb
il-ħażen;
il-ħażin ma jsibx postu għandek.
Ma jiqfux il-kburin quddiem għajnejk.
R:/ Mexxini, Mulej,
fis-sewwa tiegħek
Int tobgħod kull min jagħmel id-deni.
Int teqred min jitkellem
bil-gideb.
Nies qattiela u qarrieqa jistmellhom il-Mulej.
R:/ Mexxini, Mulej,
fis-sewwa tiegħek
Imma jien għat-tieba kbira tiegħek
nista’ nidħol ġewwa darek;
ninxteħet quddiem
is-santwarju mqaddes tiegħek,
mimli bil-biża’ tiegħek.
R:/ Mexxini, Mulej,
fis-sewwa tiegħek
Hallelujah, Hallelujah
Jien lill-Mulej nistenna,
ruħi f’kelmtu tittama.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 8, 23-27
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù tala’ fuq dgħajsa, u d-dixxipli marru warajh.
U qamet taqliba kbira fuq
il-baħar, hekk li l-mewġ beda jgħatti d-dgħajsa;
iżda hu kien rieqed.
Id-dixxipli resqu fuqu, qajmuh u qalulu:
“Salvana, Mulej! Se nintilfu!”.
U qalilhom:
“Dan il-biża’ kollu għalfejn, ja nies ta’ fidi ċkejkna?”
Imbagħad qam, ordna
lill-irjieħ u lill-baħar, u waqgħet kalma kbira. Dawk stagħġbu, u bdew jgħidu:
“Dan xi bniedem hu, biex sa l-irjieħ u l-baħar jisimgħu minnu?”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu