Il-Ġimgħa
tat-Tielet Ġimgħa
tal-Avvent
Qari mill-Ktieb tal- �Profeta Iżaija
Iż 56, 1-3a.6-8
Dan jgħid il-Mulej:
“Żommu s-sewwa u agħmlu l-ġustizzja, għax
is-salvazzjoni tiegħi għoddha waslet, u l-ġustizzja tiegħi dalwaqt tfeġġ”.
Hieni r-raġel li jagħmel dan, u l-bniedem li jżomm sħiħ fih, iħares is-Sibt u ma jiksrux, u jżomm idu ’l bogħod mill-għemil ħażin.
U ma jgħidx il-frustier li jintrabat mal-Mulej:
‘Se jifridni l-Mulej
mill-poplu tiegħu!’.
Ulied il-frustier li ntrabtu mal-Mulej biex jaqduh,
u biex iħobbu isem il-Mulej
u jkunu qaddejja tiegħu, kull min iħares is-Sibt u ma jiksrux u jżomm sħiħ fil-patt tiegħi,
lil dawn inwassalhom
sal-muntanja mqaddsa tiegħi, u nferraħhom f’dar it-talb tiegħi; il-vittmi maħruqa u s-sagrifiċċji tagħhom ikunu jogħġbuni
telgħin minn fuq l-altar tiegħi, għax dari ‘dar it-talb’ tissejjaħ għall-popli kollha”.
Oraklu ta’ Sidi l-Mulej, li jiġbor l-imxerrdin ta’ Iżrael;
“Nissokta niġbor
l-itturufnati tiegħu flimkien ma’ dawk li diġà ġbart”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Ifaħħruk il-popli, o Alla, ifaħħruk il-popli kollha
Salm Responsorjali
Iħenn għalina Alla, u jberikna;
idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu!
Biex jingħarfu fuq l-art triqatek,
fost il-ġnus kollha
s-salvazzjoni tiegħek.
R:/ Ifaħħruk il-popli, o Alla, ifaħħruk il-popli kollha
Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ, għax trieġi l-popli
bis-sewwa,
u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom.
R:/ Ifaħħruk il-popli, o Alla, ifaħħruk il-popli kollha
L-art tat il-frott tagħha;
iberikna Alla, Alla tagħna!
Iberikna Alla, u tibża’ minnu
l-art kollha minn tarf
għall-ieħor!
R:/ Ifaħħruk il-popli, o Alla, ifaħħruk il-popli kollha
Hallelujah, Hallelujah
Ejja, Mulej, żurna
bis-sliem,
biex naqbżu bil-ferħ quddiemek.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Ġwann
Ġw 5, 33-36
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil-Lhud:
“Intom bgħattu tistaqsu lil Ġwanni, u hu ta xhieda għall-verità. Mhux għax jien għandi bżonn
ix-xhieda ta’ bniedem,
imma qiegħed ngħidilkom dan għas-salvazzjoni tagħkom. Għax dak kien musbieħ jixgħel u jiddi, u intom, għal ftit,
ridtu tifirħu bid-dawl tiegħu. Iżda jien għandi xhieda akbar minn dik ta’ Ġwanni;
għax l-għemejjel li tani
l-Missier biex intemmhom, jiġifieri dawn l-istess għemejjel li jiena qiegħed nagħmel,
jixhdu għalija li kien
il-Missier li bagħatni”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
Il-Ġimgħa
tat-Tielet Ġimgħa
tal-Avvent