Qari mill-Ktieb ta’
Ġob
42, 1-3;5-6;12-16
Ġob wieġeb lill-Mulej u qallu:
“Jien naf li inti tista' kollox, u ebda ħsieb minn tiegħek ma jfixkluh.
Int għedt:
‘Min hu dan li jrid joskura fehemti bla ma jifhem?’
U tassew jien tkellimt fuq ħwejjeġ ma nifhimhomx, ħwejjeġ kbar wisq għalija,
ma nafhomx. Fuqek jien b'widnejja smajt;
imma issa b'għajnejja rajtek. Għalhekk inċedi u nindem fit-trab u r-rmied.”
U l-Mulej bierek il-ħajja
l-ġdida ta' Ġob aktar minn dik ta' qabel,
u kellu Ġob erbatax-il elf nagħġa u sitt elef ġemel, elf żewġ barrin u elf ħmara.
Kellu wkoll seba' subjien u
tlitt ibniet. Bintu l-kbira semmieha Ġemima, lil ta' warajha Kesigħa, u
liż-żgħira Kerenħappuk.
U ma kienx hemm fil-pajjiż
kollu nisa li fil-ġmiel
iħabbtuha mal-bniet ta' Ġob.
Missierhom tahom qasma mill-wirt ma' ħuthom
is-subjien.
Wara dan kollu Ġob għex mija u erbgħin sena u ra 'l uliedu u wlied uliedu
sar-raba‘ nisel, u miet xiħ u mimli bl-għomor.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Ħa jiddi wiċċek
fuq il-qaddej tiegħek, Mulej
Salm Responsorjali
Fehma tajba u għerf
għallimni,
għax jien nemmen
fil-kmandamenti
tiegħek.
Swieli ta' ġid li
għakkistni,
għax tgħallimt
il-kmandamenti tiegħek.
R:/ Ħa jiddi wiċċek
fuq il-qaddej tiegħek, Mulej
Jien naf, Mulej,
li ġusti
d-digrieti tiegħek;
u li skont is-sewwa għakkistni.
B'digriet tiegħek għadhom sħaħ sa llum;
għax kollox hu għall-qadi tiegħek.
R:/ Ħa jiddi wiċċek
fuq il-qaddej tiegħek, Mulej
Qaddej tiegħek jien;
agħtini d-dehen,
biex nagħraf il-preċetti tiegħek.
It-tifsir ta' kelmtek
jagħti d-dawl,
ifiehem lil min
ma jafx.
R:/ Ħa jiddi wiċċek
fuq il-qaddej tiegħek, Mulej
Hallelujah, Hallelujah
Infaħħrek, Missier,
Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom
liċ-ċkejknin.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Luqa
Lq 10, 17-24
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, it-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu:
“Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f'ismek!”
U Ġesù qalilhom:
“Iva, jien kont narah
lix-Xitan jaqa' bħal berqa
mis-sema.
Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa
tal-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom.
Madankollu mhux b'dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet.”
F'dak l-istess ħin Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal:
“Infaħħrek, Missier,
Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ,
ħbejthom lil min għandu
l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin.
Iva, Missier għax lilek
hekk għoġbok.
Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf min hu l-Iben ħlief il-Missier,
anqas min hu l-Missier ħlief l-Iben u dak li lilu
l-Iben irid jgħarrafhulu.”
Imbagħad dar lejn
id-dixxipli u qal lilhom
weħidhom:
“Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin
taraw intom.
Għax kif ngħidilkom jien, ħafna profeti u slaten riedu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx,
u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx!”
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu