It-tħabbira
tat-twelid ta’ Ġwanni
l-Battista
Qari mill-Ktieb
tal-Imħallfin
Mħall 13, 2-7. 24-25a
F’ dak iż-żmien: kien
hemm raġel minn Sorgħa mit-tribù ta’ Dan, jismu Manuħa, u martu kienet sterili, u ma kelliex tfal.
U deher l-anġlu tal-Mulej
lill-mara u qalilha:
“Ara int sterili u ma
għandekx tfal, imma
int se titqal u tiled iben.
Issa qis li ma tixrobx inbid,
u anqas xorb li jsakkar,
tiekol xejn imniġġes.
Għax, ara, int se titqal
u tiled iben,
u l-mus ma jgħaddix minn fuq rasu, għax it-tifel ikun nażir, ikkonsagrat lil Alla
sa minn ġuf ommu,
u hu jibda jeħles lil Iżrael minn id il-Filistin”
U il-mara marret tgħid lil żewġha,
“Ġie ħdejja raġel ta’ Alla, wiċċu wiċċ ta’ anġlu ta’ Alla, wiċċ li jbeżżgħek tarah.
Ma staqsejtux mnejn
ġie, u lanqas hu
ma qalli ismu.
U qalli:
“Ara, inti titqal u
tiled iben, u issa tixrobx inbid jew xorb li jsakkar,
u tiekol xejn imniġġes,
għax it-tifel ikun nażir, ikkonsagrat lil Alla
sa minn guf ommu
sakemm imut”
U l-mara wildet iben u semmietu Sansun,
u t-tifel kiber u l-Mulej bierku.
U l-Ispirtu tal-Mulej
beda jaħdem ġewwa fih.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Mulej, mimli fommi b’tifħirek u b’sebħek
Salm Responsorjali
Kun sur ta’ kenn
għalija;
int wegħedt li tiġi
dejjem issalvani,
għax blata u fortizza
int għalija.
Alla tiegħi, ħarisni
minn id il-ħazin.
R:/ Mulej, mimli fommi b’tifħirek u b’sebħek
Għax int, Sidi,
it-tama tiegħi;
Mulej, inti l-fiduċja
tiegħi sa minn żgħożiti.
Fuqek serraħt sa
minnn twelidi,
sa minn ġuf ommi
inti ħadtni.
R:/ Mulej, mimli fommi b’tifħirek u b’sebħek
Nersaq quddiem il-kobor tiegħek, Mulej Sidi,
biex il-ġustizzja tiegħek waħdek inxandar.
O Alla, sa minn żgħożiti
int għallimtni;
u jien s’issa għadni nxandar għeġubijietek.
R:/ Mulej, mimli fommi b’tifħirek u b’sebħek
Hallelujah, Hallelujah
O Għerq ta’ Ġesse,
li waqaft bħala sinjal
għall-popli,
ejja biex teħlisna
u la tiddawwarx.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Luqa
Lq 1, 5-25
R:/ Glorja lilek Mulej
Fi żmien Erodi, sultan
tal-Lhudija, kien hemm qassis jismu Żakkarija, mit-taqsima ta’ Abija; martu, li kien jisimha Eliżabetta,
kienet minn ulied Aron.
It-tnejn kienu nies ġusti quddiem Alla,
u jimxu bla nuqqas ta’ xejn skont il-preċetti u
l-kmandamenti kollha
tal-Mulej.
Ulied ma kellhomx,
għax Eliżabetta ma setax ikollha, u t-tnejn kienu mdaħħlin fiż-żmien.
Mela ġara li Żakkarija
kien qiegħed jaqdi dmiru
ta’ qassis quddiem Alla,
għax kien imissha
t-taqsima tiegħu;
u skont id-drawwa
tal-liturġija, intgħażel hu bix-xorti biex jidħol ġewwa fis-santwarju tal-Mulej ħalli jaħraq l-inċens.
Waqt ir-rit tal-inċens
il-kotra kollha
tal-poplu kienet qiegħda
titlob barra.
U deherlu anġlu tal-Mulej, wieqaf in-naħa tal-lemin
tal-artal tal-inċens. Żakkarija, malli rah, tħawwad u waqa’ biża’ fuqu.
Imma l-anġlu qallu:
“Tibżax, Żakkarija, għax
it-talba tiegħek instemgħet: martek Eliżabetta se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni.
Din tkun għalik ħaġa
li tqanqlek bil-ferħ u
thennik ħafna, u jkun
hemm bosta li jifirħu
bit-twelid tat-tifel.
Għax hu jkun kbir
quddiem il-Mulej; ma jkun jixrob ebda nbid jew xorb qawwi,u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu.
Huwa jreġġa’ lil ħafna minn ulied Iżrael lejn il-Mulej, Alla tagħhom, u hu ġej qabel
il-Mulej,
mimli bl-ispirtu u l-qawwa
ta’ Elija, biex iraġġa’
l-qlub tal-missirijiet lejn uliedhom,
u lil dawk li ma jridux jobdu jreġġagħhom
għall-għaqal tal-ġusti, ħalli jlesti poplu mħejji
sewwa għall-Mulej.”
Imma Żakkarija qal
lill-anġlu:
“Kif inkun żgur minn dan? Għax jiena raġel xiħ u
marti mdaħħla fiż-zmien!”
Wieġeb l-anġlu u qallu:
“Jiena Ġabrijel, li
qiegħed quddiem Alla.
Hu bagħatni nkellmek
u nwassallek
il-bxara tajba.
U issa, talli inti
ma emmintx kliemi,
li għad iseħħ meta jasal
il-waqt,
ara’ int tibqa’ mbikkem u ma tkunx tista’ titkellem sa dakinnhar li jiġri kulma ħabbartlek”
Sadattant il-poplu kien
qiegħed jistenna lil
Żakkarija, u kulħadd stagħġeb bid-dewmien
tiegħu fis-santwarju.
Meta mbagħad ħareġ,
ma setax ikellimhom, u ntebbħu li kellu xi dehra fis-santwarju.
Beda jfehemhom
bis-sinjali, u baqa’ mbikkem.
Wara li mbagħad għalaqlu
ż-żmien tas-servizz tiegħu raġa’ lura lejn id-dar.
Xi żmien wara, martu Eliżabetta nisslet fil-ġuf,
u għal ħames xhur sħaħ
fittxet li tinħeba min-nies, għax bdiet tgħid:
“Hekk għamel miegħi
l-Mulej, li għoġbu jneħħili minn fuqi l-għajb li kelli quddiem in-nies!”
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifhir lilek Kristu
It-tħabbira
tat-twelid ta’ Ġwanni
l-Battista