Qari mill-Ewwel Ktieb
ta’ Samwel
1 Sam 8, 4-7.10-22a
F’dak iż-żmien, ix-xjuħ kollha ta’ Iżrael inġemgħu u marru għand Samwel f’Rama, u qalulu:
“Ara, inti xjeħt, u wliedek ma qabdux triqtek. Issa agħmlilna sultan biex imexxina bħall-ġnus kollha.”
Dan li qalu: ‘Agħtina sultan biex imexxina,’ ma għoġbux lil Samwel, u mar jitlob quddiem il-Mulej.
Il-Mulej wieġeb lil Samwel:
“Isma’ minn leħen
il-poplu f’kulma jgħidulek. Għax mhux lilek warrbu, iżda lili warrbu, biex ma nsaltanx fuqhom.”
Samwel qal kulma qallu
l-Mulej lill-poplu li kien talbu sultan. U qalilhom:
“Dan hu d-dritt tas-sultan li għad isaltan fuqkom;
jeħdilkom is-subien tagħkom, u jqegħedhom mal-karrijiet u maż-żwiemel,
u jiġru quddiem il-karru tiegħu. U jagħmel minnhom kaptani ta’ elf u ta’ ħamsin raġel, biex jaħartu l-ħrit tiegħu,
u jaħsdu l-ħsad tiegħu, u jaħdmu l-għodod
għall-gwerra u t-tagħmir għall-karrijiet tiegħu.
U jieħu l-bniet tagħkom biex jaħdmu l-fwieħa,
isajru u jagħġnu.
U mir-raba’ tagħkom,
mill-oqsma tad-dwieli tagħkom, u taż-żebbuġ tagħkom jieħu l-aħjar,
u jagħtihom lill-qaddejja tiegħu. Jieħu mill-għaxra waħda tal-miżirgħa u
tal-oqsma tad-dwieli tagħkom,
u jagħtihom lill-kortiġjani u ‘l-uffiċjali tiegħu. U jeħdilkom l-aħjar minn fost
l-ilsiera, irġiel u nisa,
u l-aħjar mill-baqar u
l-ħmir tagħkom, u jqabbadhom jaħdmu
fix-xogħol tiegħu.
Jieħu mill-għaxra waħda
tal-imrieħel tagħkom u
intom tkunu lsiera tiegħu.
U dakinhar tgħajtu minħabba s-sultan li tkunu ħtartu, imma l-Mulej dakinhar ma jismagħkomx.”
Imma l-poplu ma riedx jisma’ minn kliem Samwel, u qalulu:
“Le! ħa jkollna sultan fuqna, ħa nkunu aħna wkoll bħall-ġnus kollha;
ħa jaħkem fuqna sultan tagħna, u jimxi quddiemna u jmexxi t-taqbid
tagħna.”
U Samwel sama’ l-kliem kollu tal-poplu u tenniehom f’widnejn il-Mulej.
U l-Mulej qal lil Samwel:
“Isma’ minn kliemhom, u
agħmlilhom sultan.”
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ It-tieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni
Salm Responsorjali
Hieni l-poplu li jaf jgħajjat bil-ferħ,
li jimxi, Mulej, fid-dawl ta’ wiċċek.
B’ismek jithennew il-jum kollu,
u bil-ġustizzja tiegħek jifirħu.
R:/ It-tieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni
Għax inti l-foħrija
tal-qawwa tagħhom;
għal tjubitek nerfgħu rasna fl-għoli.
Għax il-Mulej it-tarka tagħna;
il-Qaddis ta’ Iżrael
is-sultan tagħna.
R:/ It-tieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni
Hallelujah, Hallelujah
Profeta kbir qam fostna,
u Alla żar il-poplu tiegħu
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont �San Mark
Mk 2, 1-12
Glorja lilek Mulej
Wara xi ġranet Ġesù daħal Kafarnahum. In-nies semgħet li kien id-dar u nġabru bosta,
hekk li ma kienx hemm fejn joqogħdu iżjed, anqas quddiem il-bieb.
U qagħad ixandrilhom
il-Kelma.
U marru ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, merfugħ minn erbgħa min-nies.
Billi ma setgħux jersqu sa ħdejh minħabba l-kotra, qalgħu s-saqaf ta’ fuqu,
fetħu toqba, u niżżlu minnha l-friex li fuqu kien mimdud il-mifluġ.
Meta ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ:
“Ibni, dnubietek maħfura.”
Mela kien hemm bilqiegħda xi wħud
mill-kittieba, u f’qalbhom bdew jgħidu:
“Dan kif qiegħed jitkellem hekk? Dan qiegħed jidgħi!
Min jista’ jaħfirhom
id-dnubiet ħlief Alla biss?”
Malli Ġesù ntebaħ fih innifsu x’kienu qegħdin jgħidu bejnhom u bejn ruħhom qalilhom:
“Għaliex qegħdin taħsbu hekk f’qalbkom? X’inhu
l-eħfef, tgħid lill-mifluġ: ‘Dnubietek maħfura’, jew tgħidlu:
‘Qum u aqbad friexek u imxi’? Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu
s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art,”
qal lill-mifluġ:
“Qum, aqbad friexek u
mur lejn darek.”
Dak qam, qabad malajr friexu, u ħareġ ’il barra quddiem kulħadd.
U kulħadd stagħġeb, u bdew ifaħħru lil Alla u jgħidu:
“Ħwejjeġ bħal dawn qatt ma rajniehom!”
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu