Il-Ħamis
tas-Sitt Ġimgħa tal-Għid
“nitlob wkoll għal dawk li għad jemmnu fija”
Qari mill-Ktieb
tal-Atti tal-Appostli
Atti 18, 1-8
F’dak iż-żmien, Pawlu ħalla Ateni u mar Korintu. Hemm sab wieħed Lhudi minn Pontu, jismu Akwila,
li kien għadu kemm wasal mill-Italja ma’ martu Prixxilla;
għax l-imperatur Klawdju kien ordna biex
il-Lhud kollha jitilqu minn Ruma.
Pawlu mar għandhom u, billi kellu l-istess sengħa tagħhom, qagħad jaħdem magħhom.
Is-sengħa tagħhom kienet li jagħmlu t-tined.
Kull nhar ta’ Sibt kien imur jiddiskuti fis-sinagoga u jfittex li jipperswadi lil-Lhud u l-Griegi.
Meta Sila u Timotju waslu mill-Maċedonja, Pawlu ta ruħu kollu kemm hu
għax-xandir tal-kelma,
u kien jixhed lil-Lhud li Ġesù huwa l-Messija. Iżda huma waqfulu u bdew jidgħulu, u għalhekk Pawlu farfar ħwejġu u qalilhom:
“Intom taħtu għat-telfien tagħkom, jien ma għandix ħtija! Minn issa ’l quddiem se ngħaddi għal għand il-pagani”.
Imbagħad telaq minn hemm u mar għand wieħed jismu Titu Ġustu, li kien iqim lil Alla, u li daru kienet maġenb is-sinagoga.
Krispu, il-kap tas-sinagoga, u l-familja tiegħu kollha emmnu fil-Mulej,
u ħafna mill-Korintin, li kienu jisimgħu lil Pawlu, emmnu huma wkoll u tgħammdu.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Il-Mulej għarraf
is-salvazzjoni tiegħu
lill-ġnus
Salm Responsorjali
Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel ħwejjeġ
tal-għaġeb.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,
u d-driegħ imqaddes tiegħu.
R:/ Il-Mulej għarraf
is-salvazzjoni tiegħu
lill-ġnus
Għarraf il-Mulej
is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera
l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fit-tieba u l-fedeltà tiegħu
mal-poplu ta’ Iżrael.
R:/ Il-Mulej għarraf
is-salvazzjoni tiegħu
lill-ġnus
L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu!
R:/ Il-Mulej għarraf
is-salvazzjoni tiegħu
lill-ġnus
Hallelujah, Hallelujah
Ma nħallikomx iltiema, jgħid il-Mulej, nerġa’ niġi għandkom, u qalbkom tifraħ.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Ġwann
Ġw 16, 16-20
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:
“Ftit ieħor u ma tarawnix aktar; imbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni”.
Għalhekk xi wħud
mid-dixxipli tiegħu bdew jgħidu bejniethom:
“X’ifisser dan li qiegħed jgħid: ‘Ftit ieħor u ma tarawnix aktar; imbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni’,
u li: ‘Jiena sejjer għand
il-Missier’?”. Għalhekk qalu: “X’inhu dan ‘il-ftit ieħor’ li hu qiegħed jgħid? Ma nafux xi jrid jgħid”.
Ġesù għaraf li xtaqu jistaqsuh. Għalhekk
qalilhom:
“Qegħdin tistaqsu lil xulxin fuq dak li għedt: ‘Ftit ieħor u ma tarawnix aktar; imbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni’?
Tassew tassew ngħidilkom, intom għad tibku u tingħu, iżda d-dinja għad tifraħ;
għad iġġarrbu n-niket, imma n-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
Il-Ħamis
tas-Sitt Ġimgħa tal-Għid
“nitlob wkoll għal dawk li għad jemmnu fija”