Qari mill-Ktieb tal-
Profeta Eżekjel
Eżek 24, 15-24
F’dan iż-żmien, ġietni
l-kelma tal-Mulej, u qalli:
“O bniedem, arani minnufih se neħodlok
l-għaxqa ta’ għajnejk; issa int toqgħodx tnewwaħ jew tibki, u xxerridx dmugħ.
Rażżan it-tnehid tiegħek u tagħmilx vistu għall-mejtin. Orbot it-turbant fuq rasek, u xidd il-qorq f’riġlejk;
tgħattix ilħitek u tikolx ħobż il-vistu”.
Filgħodu mort inkellem
lill-poplu u filgħaxija mititli marti. Imbagħad l-għada filgħodu għamilt kif qalli
l-Mulej. U n-nies qaluli:
“Ladarba qiegħed iġġib ruħek hekk, għax ma tgħidilniex xi jfissru dawn
il-ħwejjeġ?”.
U jien weġibthom:
“Il-Mulej kellimni u qalli: Għid lil dar Iżrael: Dan jgħid Sidi l-Mulej: Araw, se nipprofana s-santwarju tiegħi,
il-glorja tal-qawwa tagħkom, l-għaxqa ta’ għajnejkom, u
l-għożża ta’ qalbkom; u wliedkom, subien u bniet, li intom ħallejtu,
imutu bix-xabla; u intom tagħmlu kif għamilt jien; la tgħattu lħitkom u lanqas tieklu ħobż il-vistu,
ikollkom it-turbanti fuq raskom u l-qrieq f’riġlejkom, ma toqogħdux tnewħu, imma tinfnew fi ħżunitkom u tokorbu bejnietkom.
U Eżekjel ikun għalikom sinjal, għax kulma għamel hu għad tagħmluh intom ukoll:
meta jiġri dan, imbagħad tagħrfu li jien il-Mulej!”
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R./ Insejt ’l Alla li nisslek
Salm Responsorjali
Int insejt il-Blata li wilditek,
insejt ’l Alla li nisslek.
Il-Mulej ra dan, u fil-korla tiegħu
stmerr ’l uliedu, subien u bniet.
R./ Insejt ’l Alla li nisslek
U qal: “Naħbi wiċċi minnhom, u nara xi jsir minnhom.
Għax nisel ħażin huma,
ulied li kelma ma jżommuhiex.
R./ Insejt ’l Alla li nisslek
Kebbsuli l-għejra b’dak li mhux alla,
regħxuni b’allathom fiergħa;
u jiena nkebbsilhom
l-għejra b’dak li poplu mhux, irregħexhom b’nies bla moħħ”.
R./ Insejt ’l Alla li nisslek
Hallelujah, Hallelujah
Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 19, 16-22
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, resaq wieħed fuq Ġesù u qallu: “Mgħallem, x’għandi nagħmel tajjeb biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”.
U Ġesù qallu:
“Għax tistaqsini fuq
it-tajjeb? Wieħed hu
t-Tajjeb. Jekk int trid tidħol fil-ħajja, ħares
il-kmandamenti”.
“Liema?”
staqsieh dak.
U Ġesù wieġbu:
“La toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, weġġaħ lil missierek u ’l ommok, u ħobb lil għajrek bħalek innifsek”.
Qallu ż-żagħżugħ:
“Jiena dan kollu ħaristu; x’jonqosni iżjed?”.
Wieġbu Ġesù:
“Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja!”.
Iż-żagħżugħ kif sama’ dan, telaq b’qalbu sewda, għax kien għani ħafna.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu