L-Erbgħa
tal-Ħames Ġimgħa
tal-Għid
Qari mill-Ktieb
tal-Atti tal-Appostli
Atti 15, 1-6
F’dak iż-żmien, niżlu f’Antjokja xi wħud
mil-Lhudija u bdew jgħallmu lill-aħwa:
“Jekk ma toqogħdux
għaċ-ċirkonċiżjoni skont id-drawwa li ġejja minn Mosè, ma tistgħux issalvaw”.
Pawlu u Barnaba qamu kontra tagħhom u ħaduha magħhom bis-sħiħ; għalhekk qatgħuha li Pawlu u Barnaba u xi wħud oħra minnhom
jitilgħu Ġerusalemm ikellmu
lill-appostli u l-presbiteri fuq din il-kwistjoni.
Il-ġemgħa tal-Knisja marret
tqabbadhom it-triq, u huma għaddew mill-Feniċja u
s-Samarija,
jitkellmu fuq il-konverżjoni tal-pagani u jnisslu ferħ kbir fost l-aħwa kollha.
Meta waslu Ġerusalemm,
il-ġemgħa tal-Knisja,
l-appostli u l-presbiteri laqgħuhom tajjeb u huma
għarrfuhom b’dak kollu li Alla kien għamel magħhom. Iżda xi wħud min-naħa tal-Fariżej li kienu emmnu qamu jgħidu:
“Jeħtieġ li l-pagani joqogħdu
għaċ-ċirkonċiżjoni u jkunu obbligati jħarsu l-Liġi ta’ Mosè”.
Għalhekk l-appostli u
l-presbiteri ltaqgħu flimkien biex jaraw din il-kwistjoni.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Sejrin ferħana f’dar il-Mulej
Salm Responsorjali
Fraħt meta qaluli:
<Sejrin f’dar il-Mulej!>
Diġà qegħdin riġlejna
fi bwiebek, Ġerusalemm!
R:/ Sejrin ferħana f’dar il-Mulej
Ġerusalemm, mibnija bħal belt,
magħquda ħaġa waħda.
Lejha t-tribujiet jitilgħu,
it-tribujiet tal-Mulej.
R:/ Sejrin ferħana f’dar il-Mulej
Hemm, skont il-liġi ta’ Iżrael,
ifaħħru isem il-Mulej.
Għax hemm twaqqfu
t-tronijiet tal-ħaqq,
it-tronijiet tad-dar ta’ David.
R:/ Sejrin ferħana f’dar il-Mulej
Hallelujah, Hallelujah
Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom, jgħid il-Mulej;
min jibqa’ fija jagħmel ħafna frott.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Ġwann
Ġw 15, 1-8
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:
“Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha;
u kull waħda li tagħmel
il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar.
Intom ġa ndaf minħabba
l-kelma li għedtilkom. Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom.
Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax
fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija.
Jiena d-dielja, intom
il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.
Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef;
imbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu.
Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kulma tridu, u jingħatalkom.
Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
L-Erbgħa
tal-Ħames Ġimgħa
tal-Għid