Qari mill-Ktieb tal-
Profeta Eżekjel
Eżek 28, 1-10
Ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:
“O bniedem, għid
lill-prinċep ta’ Tir:
Dan jgħid Sidi l-Mulej:
Int tkabbart f’qalbek u għedt:
‘Jien alla!
Jien qiegħed fuq tron
l-allat, f’nofs l-ibħra’,
meta m’intix ħlief bniedem, u mhux alla; u ħsibt li għerfek hu għerf l-allat.
Arak! int egħref minn Danjel, ebda moħba mhi mistura għalik:
b’għerfek u b’dehnek int stagħnejt, ħżint deheb u fidda fit-teżori tiegħek.
Bl-għerf kbir tiegħek u
bil-kummerċ tiegħek kattart ġidek, u qalbek tkabbret b’dan il-ġid.
Għalhekk dan jgħid Sidi
l-Mulej:
Talli ħsibt li għerfek hu għerf l-allat, arani, se nġib fuqek il-barranin,
l-aktar nies ħorox fost
il-popli, jisiltu x-xwabel tagħhom kontra ġmiel għerfek,
u jżebilħulek sebħek.
Iniżżluk fil-ħofra, u tmut
il-mewta iebsa tal-midrubin f’nofs ta’ baħar.
Tibqa’ tgħid imbagħad: “Jien alla”, quddiem
il-qattiela tiegħek?
Meta m’intix ħlief bniedem, u mhux alla,
f’idejn dawk li jidorbuk!
Int tmut il-mewt ta’ nies bla ħtin, f’idejn il-barranin, għax jien tkellimt”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R./ Salvana, Mulej,
għall-glorja ta’ ismek
Salm Responsorjali
Jien kont ngħid: kieku rrid neqridhom,
tifkirthom inħassar minn qalb in-nies,
li kieku ma bżajtx
miż-żeblih tal-għadu.
R./ Salvana, Mulej,
għall-glorja ta’ ismek
Li ma jaħsbux dawk li għakksuh u jgħajtu:
Bis-saħħa ta’ jdejna rbaħna,
mhux il-Mulej li għamel dan.
Ġens bla ħsieb, u nies bla fehma.
R./ Salvana, Mulej,
għall-glorja ta’ ismek
Kif jista’ jkun li wieħed jiġri wara elf,
u tnejn iħarrbu għaxart elef,
jekk mhux għax il-Blata tagħhom begħithom,
u l-Mulej telaqhom?
R./ Salvana, Mulej,
għall-glorja ta’ ismek
Għax qrib hu jum il-qerda tagħhom,
fis jasal li hemm lest għalihom”.
Għax il-Mulej jagħmel ħaqq lill-poplu tiegħu,
u l-qaddejja tiegħu jħenn għalihom.
R./ Salvana, Mulej,
għall-glorja ta’ ismek
Hallelujah, Hallelujah
Sidna Ġesù Kristu, li kien għani, ftaqar minħabba fikom,
sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 19, 23-30
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:
“Tassew ngħidilkom li
l-għani se jsibha iebsa biex jidħol fis-Saltna
tas-Smewwiet!
Iva, nerġa’ ngħidilkom, eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol
fis-Saltna tas-Smewwiet”.
Id-dixxipli stagħġbu ħafna meta semgħu dan, u qalu: “Mela min jista’ jsalva?”.
Ġesù ħares lejhom u qalilhom:
“Għall-bnedmin dan ma jistax ikun;
għal Alla kollox jista’ jkun”.
Imbagħad qabeż Pietru u qallu:
“Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk; issa x’se jmissna?”.
Ġesù qalilhom:
“Tassew ngħidilkom, intom li ġejtu warajja, fid-dinja
l-ġdida, meta
Bin il-bniedem joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu,
intom ukoll toqogħdu fuq tnax-il tron u tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta’ Iżrael.
U kull min iħalli ’l daru jew ’il ħutu jew ’il missieru jew ’l ommu jew ’l uliedu jew ir-raba’ tiegħu minħabba f’ismi,
jerġa’ jirċievi kollox għal mitt darba iktar, u jieħu b’sehmu l-ħajja ta’ dejjem.
U ħafna li huma tal-ewwel jiġu l-aħħar, u tal-aħħar jiġu l-ewwel”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu