Qari mill-Ittra ta’
San Ġakbu Appostlu
Ġak 4, 1-10
Għeżież, mnejn hu ġej
il-ġlied u t-tilwim bejnietkom? Jaqaw mhux minn dan, mill-passjonijiet li hemm jitqabdu f’ġisimkom?
Tixtiequ, u ma ssibu xejn; imbagħad toqtlu, u tgħiru, bla ma tistgħu tieħdu xejn; imbagħad tiġġieldu u titqabdu!
Ma għandkom xejn għax ma titolbux. Titolbu, u ma tiksbux, għax titolbu ħażin: titolbu ħa jkollkom xi tberbqu fix-xalar.
Nies adulteri! Ma tafux li
l-ħbiberija mad-dinja hija
l-għadu ta’ Alla? Min mela jrid isir ħabib tad-dinja huwa għadu ta’ Alla.
Taħsbu li għalxejn
l-Iskrittura tgħid:
“L-Ispirtu li jgħammar fina jħobb b’imħabba għajjura”?
Hu jagħti grazzja akbar minn hekk: għalhekk l-Iskrittura tgħid:
“Alla jieqaf lill-kburi, u jagħti l-grazzja lill-umli”.
Mela oqogħdu għar-rieda ta’ Alla. Ieqfu lix-xitan, u hu jaħrab minnkom. Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom. Midinbin, naddfu idejkom;
nies ta’ moħħ imħawwad, saffu qlubkom. Agħrfu
l-miżerja tagħkom, ibku, u olfqu,
ħallu d-daħk tagħkom jinbidel f’niket u l-ferħ tagħkom f’diqa.
Iċċekknu quddiem il-Mulej, u hu jerfagħkom.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Ħalli xortik f’idejn il-Mulej
Salm Responsorjali
Mhux li kelli l-ġwienaħ bħal ħamiema,
biex intir u mmur nistrieħ!
Kont ’il bogħod immur niġġerra,
u fid-deżert insib fejn noqgħod.
Kont malajr insib fejn nistkenn
mir-riħ qawwi u r-riefnu.
R:/ Ħalli xortik f’idejn il-Mulej
Eqridhom, Sidi, ħawdilhom kliemhom,
għax dnewwa u ġlied
fil-belt qiegħed nara.
Lejl u nhar jiġġerrew fuq
il-ħitan tagħha.
R:/ Ħalli xortik f’idejn il-Mulej
Ħalli xortik f’idejn
il-Mulej,
u hu jgħinek u jwieżnek;
hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.
R:/ Ħalli xortik f’idejn il-Mulej
Hallelujah, Hallelujah
Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar
jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu,
li bih id-dinja hi msallba għalija,
u jien għad-dinja.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont �San Mark
Mk 9, 30-37
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù u
d-dixxipli għaddew minn nofs il-Galilija, u hu ma ried li ħadd ikun jaf,
għax beda jgħallem
lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom:
“Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt”.
Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh. Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom:
“X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom
fit-triq?”.
Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu
jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar. Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom:
“Jekk xi ħadd irid ikun
l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd”.
U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom:
“Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili;
u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu