Qari mill-Ittra ta’
San Ġakbu Appostlu
Ġak 2, 14-24.26
X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu? Jaqaw tista’ ssalvah din il-fidi?
Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x’jilbsu u jonqoshom l-ikel ta’ kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom:
“Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu”, bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x’jiswa? Hekk ukoll il-fidi:
jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha nfisha.
Imma xi ħadd jista’ jgħid:
“Int għandek il-fidi, u jiena l-għemil. Urini l-fidi tiegħek mingħajr l-għemil, u jien nurik il-fidi tiegħi mill-għemil tiegħi”.
Inti temmen li Alla huwa wieħed, u tagħmel sew. U dan ix-xjaten ukoll jemmnuh, u jitriegħdu! Imma kif ma tridx taf,
iblah li int, li l-fidi mingħajr għemil hija fiergħa? Jaqaw Abraham missierna mhux
mill-għemil kien iġġustifikat
meta offra lil ibnu Iżakk fuq l-altar? B’hekk tara kif il-fidi ħadmet id f’id
mal-għemil tiegħu, u kif bil-ħila tal-għemil il-fidi
laħqet fl-aqwa tagħha u seħħet l-Iskrittura li tgħid: “Abraham emmen lil Alla u kien dan li ġġustifikah”
u għalhekk huwa msejjaħ ħabib ta’ Alla.
Taraw, mela, li l-bniedem ikun iġġustifikat bl-għemil, mhux bil-fidi biss.
Għax bħalma l-ġisem mingħajr ruħ hu mejjet, hekk ukoll hi mejta l-fidi mingħajr għemil.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irrodu ħajr lil Alla
R:/ Hieni l-bniedem li jitgħaxxaq
bil-kmandamenti
tal-Mulej
Salm Responsorjali
Hieni l-bniedem li jibża’ mill-Mulej,
li jitgħaxxaq ħafna
bil-kmandamenti tiegħu!
Setgħan fuq l-art ikun nislu;
nisel it-tajbin ikun imbierek.
R:/ Hieni l-bniedem li jitgħaxxaq
bil-kmandamenti
tal-Mulej
Ġid u għana jkunu f’daru;
għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu.
Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin;
twajjeb u ħanin il-bniedem sewwa.
R:/ Hieni l-bniedem li jitgħaxxaq
bil-kmandamenti
tal-Mulej
Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef,
li jmexxi ħwejġu bir-reqqa.
Għax il-bniedem ġust qatt ma jitfixkel;
għal dejjem tibqa’ t-tifkira tiegħu.
R:/ Hieni l-bniedem li jitgħaxxaq
bil-kmandamenti
tal-Mulej
Hallelujah, Hallelujah
Sejjaħtilkom ħbieb,
jgħid il-Mulej,
għaliex kulma smajt mingħand Missieri
jiena għarrafthulkom.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mark
Mk 8, 34 – 9,1
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù sejjaħ lejh in-nies flimkien
mad-dixxipli tiegħu u qalilhom:
“Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha;
imma min jitlef ħajtu
għall-imħabba tiegħi u
tal-Evanġelju, isalvaha.
Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu?
Xi prezz jista’ jagħti
l-bniedem biex isalva ħajtu?
Għax jekk xi ħadd, minn dan in-nisel żieni u midneb tal-lum, għad jistħi minni u minn kliemi,
Bin il-bniedem ukoll għad jistħi minnu meta jiġi
fil-glorja ta’ Missieru flimkien mal-anġli mqaddsa”.
Qalilhom ukoll:
“Tassew ngħidilkom, li hawn xi wħud minnkom li qegħdin hawn,
li żgur ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw il-wasla tas-Saltna ta’ Alla, mogħnija bil-qawwa”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu