Glorja `l Alla fil-għoli
tas-smewwiet, u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba.
Infaħħruk,
inberkuk,
nadurawk,
nagħtuk ġieh.
Inroddulek ħajr
għall-glorja kbira tiegħek. Mulej Alla, Sultan
tas-sema,
Alla Missier li tista’ kollox.
Mulej Iben waħdieni, Ġesù Kristu,
Mulej Alla, Ħaruf ta’ Alla, Bin il-Missier.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ħenn għalina.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ilqa’ t-talb tagħna.
Int li qiegħed fuq il-lemin tal-Missier, ħenn għalina. Għaliex Int waħdek Qaddis, Int waħdek Mulej,
Int waħdek il-għoli,
Ġesu’ Kristu, ma’ l-Ispirtu
s-Santu:
fil-glorja tal-Missier Alla.
Ammen.
Għeluq mill-Ktieb
tal-Proverbi
Prov 31, 10-13.19-20.30-31
Mara ta’ ħila min isibha?
Tiswa ħafna aktar
mill-ġawhar.
Fuqha tistrieħ qalb żewġha,
u dan żgur ikunlu ta’ ġid.
Riżq tajjeb iġġiblu, u mhux ħażin, il-jiem kollha ta’ ħajjitha. Tfittex suf u ħjut tal-qoton, u taħdmu
bil-qalb b’idejha.
Tmidd idejha
għall-magħżel, jaqbdu
d-dussies idejha. Tiftaħ mal-fqir idejha, tmidd idejha lejn l-imsejken.
Qarrieqa l-ħlewwa
tal-mara, fiergħa sbuħitha; mara li tibża’ mill-Mulej ta’ min ifaħħarha.
Agħtuha mill-frott ta’ xogħol idejha.
Ħa jfaħħruha f’bibien
il-belt l-għemejjel tagħha.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Hieni kull min jibża’ mill-Mulej
Salm Responsorjali
Hieni kull min jibża’
mill-Mulej,
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ idejk inti tiekol;
hieni int, u riżqek tajjeb!
R:/ Hieni kull min jibża’ mill-Mulej
Martek tkun bħal dielja għammiela
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal xitel
taż-żebbuġ
madwar il-mejda tiegħek.
R:/ Hieni kull min jibża’ mill-Mulej
Ara, kif ikun imbierek
il-bniedem
li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon!
Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm
tul ħajtek kollha!
Jalla tara wlied uliedek!
R:/ Hieni kull min jibża’ mill-Mulej
Qari mill-Ewwel Ittra ta’
San Pawl Appostlu
lit-Tessalonkin
1 Tess 5, 1-6
Dwar il-ħin u ż-żmien, ħuti, ma għandix bżonn niktbilkom.
Intom tafu sewwa li Jum
il-Mulej jiġi għal għarrieda bħal ħalliel bil-lejl. Meta kulħadd jibda jgħid:
‘Sliem u mistrieħ’,
dak il-ħin stess, bħal-luġigħ fuq mara li tkun waslet għall-ħlas, tiġi fuqhom għal għarrieda l-qerda u ma jeħilsu b’xejn.
Ħuti, intom m’intomx
fid-dlam biex Jum il-Mulej jeħodkom għal għarrieda bħal ħalliel.
Intom ilkoll ulied id-dawl u wlied il-jum; aħna m’aħniex ulied il-lejl, anqas ulied id-dlam.
Għalhekk ma għandniex norqdu bħall-oħrajn, iżda nishru u ngħixu bil-qjies.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
Hallelujah, Hallelujah
Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom, jgħid il-Mulej;
min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 25, 14-30
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din
il-parabbola:
“Wieħed li kien se jsiefer, sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom.
Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer.
Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra.
Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu.
Wara ħafna, sid dawk
il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom.
Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra.
‘Sinjur – qallu – ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra’.
Qallu s-sinjur:
‘Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek’.
Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu: ‘Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra’.
Qallu s-sinjur:
‘Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek’.
Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal:
‘Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx.
‘Bżajt, u mort ħbejt
it-talent tiegħek fl-art: hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek’.
Qabeż is-sinjur u qallu:
‘Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx.
Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax.
Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu
l-għaxar talenti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll;
iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ’il barra fid-dlam;
hemmhekk ikun hekk
il-biki u t-tgħażżiż
tas-snien’ ”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
Jiena nemmen f’Alla wieħed, il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u
l-art, dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx.
U f’Mulej wieħed Ġesù Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla,
imnissel mill-Missier
qabel kull żmien.
Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul, natura waħda mal-Missier u bih sar kollox.
Niżel mis-smewwiet għalina
l-bnedmin u għall-fidwa
tagħna.
U ħa l-ġisem
bis-setgħa tal-Ispirtu
s-Santu minn Marija Verġni u sar bniedem.
Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh, u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet, skont
il-Kotba mqaddsa,
u tela’ s-sema, u qieghed fuq
il-lemin tal-Missier.
U għandu jerġa jiġi
bil-glorja biex jagħmel ħaqq
mill-ħajjin u mill-mejtin, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.
U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja li ġej
mill-Missier u mill-Iben:
li Hu meqjum u mweġġah flimkien mal-Missier u
mal-Iben. Hu li tkellem b’fomm il-profeti.
U fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika, appostolika.
Nistqarr magħmudija waħda
għall-maħfra tad-dnubiet.
U nistenna l-qawma
mill-imwiet, u l-ħajja
taż-żmien li ġej.
Ammen.