L-Erbgħa tas-7 ġimgħa
tal-Għid
“Missier, ħarishom biex ikunu ħaġa waħda bħalna.”
Qari mill-Ktieb
tal-Atti tal-Appostli
Atti 20, 28-38
F’dak iż-żmien, Pawlu qal lill-presbiteri tal-Knisja ta’ Efesu:
“Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-merħla kollha li l-Ispirtu s-Santu għamilkom għassiesa tagħha
biex tirgħu l-Knisja ta’ Alla li hu kiseb b’demmu stess.
Jiena naf li, wara li nitlaq jien, jidħlu fostkom ilpup qalila li lill-merħla ma jaħfruhilhiex.
U minn fostkom stess għad iqumu xi wħud li jgħallmu dak li hu kontra s-sewwa,
bil-ħsieb li jdawru
d-dixxipli għal warajhom.
Għalhekk iftħu għajnejkom, ftakru kif għal tliet snin sħaħ,
lejl u nhar,
qatt ma waqaft inwissi
bid-dmugħ f’għajnejja lil kull wieħed minnkom.
U issa nitlaqkom f’idejn Alla u l-kelma tal-grazzja tiegħu,
dik il-kelma li għandha
l-qawwa li tibnikom u tagħtikom sehemkom fost dawk li huma kkonsagrati lilu.
Fidda, deheb u lbies ta’ ħaddieħor qatt ma xtaqthom.
Intom stess tafu li kienu dawn idejja li ħadmu għall-ħtiġiet tiegħi u ta’ sħabi.
F’kollox urejtkom li b’xogħol iebes bħal dan tagħna
għandna nieħdu ħsieb ngħinu lil min hu fil-bżonn, waqt li niftakru fi kliem
il-Mulej Ġesù li qal:
‘Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu!’.
Kif temm jgħid dan, niżel għarkupptejh jitlob magħhom ilkoll.
Imbagħad infexxew ilkoll f’bikja kbira u bdew jgħannqu lil Pawlu u jbusuh.
L-aktar li ħassew għax qalilhom li qatt aktar ma kienu se jerġgħu jaraw wiċċu. Imbagħad wassluh
sal-ġifen.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Slaten tal-art, għannu lil Alla
Salm Responsorjali
Ibgħat, o Alla, il-qawwa tiegħek,
wettaq, o Alla, dik il-qawwa li ħaddimt għalina.
Lejn it-tempju tiegħek f’Ġerusalemm,
għalik is-slaten iġibu
l-għotjiet.
R:/ Slaten tal-art, għannu lil Alla
Slaten tal-art, għannu lil Alla,
faħħru bid-daqq lil Sidi
l-Mulej:
lil dak li jirkeb fuq
is-smewwiet, fuq
is-smewwiet ta’ dejjem.
Arawh! Se jsamma’ leħnu, leħen qawwi:
Agħrfu l-qawwa ta’ Alla!
R:/ Slaten tal-art, għannu lil Alla
Fuq Iżrael il-kobor tiegħu;
fis-smewwiet il-qawwa tiegħu.
Tal-biża’ Alla fis-santwarju tiegħu!
Hu Alla ta’ Iżrael, li jagħti qawwa u ħila lill-poplu tiegħu.
R:/ Slaten tal-art, għannu lil Alla
Hallelujah, Hallelujah
Il-Kelma tiegħek, Mulej, hi l-verità:
qaddisna permezz
tal-verità.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Ġwann
Ġw 17, 11b-19
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù rafa’ għajnejh lejn is-sema talab u qal:
“Missier qaddis, ħarishom f’ismek dawk li inti tajtni,
biex ikunu ħaġa waħda bħalna.
Kemm domt magħhom, jiena ħaristhom fl-isem tiegħek, l-isem li tajtni. U jiena ħadt ħsiebhom,
u ħadd minnhom ma ntilef ħlief bin it-telfien, biex isseħħ l-Iskrittura. Imma issa jiena ġej għandek, u qiegħed ngħid dan,
kif għadni fid-dinja, biex huma jkollhom fihom
il-ferħ sħiħ tiegħi. Jiena tajthom il-kelma tiegħek,
u d-dinja bagħdithom, għaliex huma mhumiex tad-dinja, kif jiena m’iniex tad-dinja.
Ma nitolbokx li
twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom
mill-Ħażin.
Huma mhumiex tad-dinja bħalma jiena m’iniex
tad-dinja.
Qaddishom permezz
tal-verità; il-kelma tiegħek hi l-verità. Kif inti bgħatt lili fid-dinja, hekk jiena bgħatt lilhom fid-dinja.
U jien minħabba fihom nagħti ħajti, biex huma wkoll ikunu mqaddsin permezz tal-verità”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
L-Erbgħa tas-7 ġimgħa
tal-Għid
“Missier, ħarishom biex ikunu ħaġa waħda bħalna.”