Qari mill-Ewwel Ittra ta’
San Ġwann Appostlu
1Ġw 4: 7-16
Għeżież, ejjew inħobbu ’l xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla.
Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba. B’dan dehritilna
l-imħabba ta’ Alla,
għax Alla bagħat lil Ibnu
l-waħdieni fid-dinja biex ngħixu bih. U hawn qiegħda l-imħabba: mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla,
imma għax ħabbna hu, u bagħat lil Ibnu bħala
tpattija għal dnubietna. Għeżież, jekk Alla
ħabbna daqshekk,
aħna wkoll għandna nħobbu ’l xulxin. Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma jekk nħobbu ’l xulxin hu jgħammar fina,
u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina. B’hekk nafu li aħna ngħammru fih u hu fina, għax tana sehem
mill-Ispirtu tiegħu.
Aħna rajna, u nagħtu xhieda, li l-Missier bagħat lil Ibnu biex ikun
is-Salvatur tad-dinja.
Kull min jistqarr li Ġesù hu
l-Iben ta’ Alla, Alla jgħammar fih u hu f’Alla.
Hekk aħna għarafna
l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha.
Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla, u Alla fih.
Il-Kelma tal-Mulej.
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej!
Salm Responsorjali
Kull ħin imbierek il-Mulej,
tifħiru dejjem f’fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi,
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu.
R:/ Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej!
Kabbru l-Mulej miegħi,
u ngħollu ismu flimkien
jien fittixt il-Mulej, u weġibni,
u minn kull biża’ ħelisni.
R:/ Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej!
Ħarsu lejh u tiddu bil-ferħ,
u wiċċkom ma jistħix.
Dan il-fqajjar sejjaħ
il-Mulej, u semgħu, u
mid-dwejjaq kollha tiegħu ħelsu.
R:/ Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb
il-Mulej!
L-anġlu tal-Mulej jgħammar madwar dawk li jibżgħu minnu,
u jeħlishom.
Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;
hieni l-bniedem li jistkenn fih.
R:/ Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb
il-Mulej!
Ibżgħu mill-Mulej, intom
il-qaddisin tiegħu,
għax xejn ma jkun jonqsu minn jibża’ minnu.
L-imkabbrin jiftaqru u jkunu bil-ġuħ;
min ifittex lill-Mulej ma jkun jonqsu ebda ġid.
R:/ Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb
il-Mulej!
Hallelujah, Hallelujah
Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej;
u min jimxi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Ġwann
Ġw 11, 19-27
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien: Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba ħuhom.
Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. Marta qalet lil Ġesù:
“Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, jiena naf li kulma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek.”
Ġesù qalilha:
“Ħuk jerġa’ jqum!”
Qaltlu Marta:
“Jiena naf li jerġa’ jqum, fil-qawmien mill-imwiet
fl-aħħar jum.”
Qalilha Ġesù:
“Jien hu l-qawmien u
l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix;
u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt.
Temmnu inti dan?”
“Iva, Mulej,”
weġbitu,
“Jiena nemmen li inti
l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja.”
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu