Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Eżekjel
(Eżek 16, 1-15.60.63)
Ġiet fuqi l-kelma tal-Mulej u qalli:
“O bniedem, uri ’l Ġerusalemm
l-għarukażijiet tagħha, u għidilha: Dan jgħid Sidi
l-Mulej lil Ġerusalemm:
Nislek u twelidek mill-art
tal-Kangħanin: missierek
mill-Amurrin u ommok mill-Ħittin.
Fi twelidek, nhar twelidek, ma qatgħulekx il-ħajta ta’ żokortok, bl-ilma ma ħaslukx biex titnaddaf,
ma għorkukx bil-melħ
u anqas fisqewk fil-faxex.
Ebda għajn ma tħassritek biex tagħmillek xi ħaġa minn dan kollu u tħenn għalik,
imma stkerrhuk u rmewk fuq wiċċ ir-raba’ f’jum twelidek, dakinhar li int twelidt!
Għaddejt jien minn ħdejk,
rajtek titmiegħek f’demmek u għedtlek kif kont mgħargħra f'demmek:
Int tgħix u tikber bħal nebbiet tar-raba’. U int trabbejt, u kbirt u lħaqt
il-milja ta' xbubitek;
sidrek imtela u xagħrek kiber, imma kont għadek għarwiena u mikxufa.
U jiena għaddejt minn ħdejk u ħarist, u rajtek li kont fi żmienek, żmien
l-imħabba.
Jien frixt fuqek djul mantari u għattejtlek għawarek; u ħliftlek u dħalt f’patt miegħek, u int sirt tiegħi,
oraklu ta' Sidi l-Mulej. Ħsiltek bl-ilma, naddaftlek demmek u biż-żejt dliktek.
Libbistek il-brukkat u xeddejtlek sandli
tad-delfin, dawwartek
bl-għażel u ksejtek bil-ħarir.
Żejjintek bil-ġawhar; qegħedtlek il-brazzuletti f’dirgħajk, u ġiżirana ma’ għonqok;
qegħedtlek ħolqa f’imnifsejk, u msielet f’widnejk, u dijadema sabiħa tlellex f’rasek.
Kont imżejjna bid-deheb u l-fidda, u lbiesek kien għażel, ħarir, u brukkat. Smid, u għasel, u żejt kont tiekol.
Kont sirt sabiħa fuq li sabiħa, u kien jixraqlek tkun sultana. Beda jissemma ġmielek fost
il-ġnus:
għax xejn ma kien jonqsu t-tiżjin li jien qegħedt fuqek,
oraklu ta' Sidi l-Mulej.
Imma int tlift rasek bi
ġmielek, u ntlaqt
għaż-żína, u sawwabt
iż-żína tiegħek fuq min ġie ġie.
Imma jien niftakar fil-patt
li għamilt miegħek fi żmien żgħożitek u nġedded il-patt tiegħi miegħek għal dejjem ħa tagħraf li jiena l-Mulej,
biex tiftakar u timtela
bil-mistħija, u ma jkollokx
aktar ħila tiftaħ ħalqek minħabba l-għajb tiegħek,
meta nkun ħfirtlek dak
kollu li għamilt,
oraklu ta’ Sidi l-Mulej.”
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Il-korla tiegħek reġgħet lura Mulej,
u farraġtni
Salm Responsorjali
Ara, Alla s-salvazzjoni tiegħi,
jiena nittama u ma jkollix mniex nibża’.
Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,
għalija sar is-salvazzjoni.
R:/ Il-korla tiegħek reġgħet lura Mulej,
u farraġtni
Kollkom ferħana timlew
l-ilma mill-għejun
tas-salvazzjoni.
Roddu ħajr lill-Mulej,
sejħu ismu,
għarrfu lill-ġnus
bl-għemejjel tiegħu,
xandru li ismu huwa
fl-għoli.
R:/ Il-korla tiegħek reġgħet lura Mulej,
u farraġtni
Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;
ħa jkun dan magħruf
mal-art kollha.
Aqbeż bil-ferħ, għanni,
int li tgħammar f’Sijon, għax kbir hu f’nofsok
il-Qaddis ta’ Iżrael.
R:/ Il-korla tiegħek reġgħet lura Mulej,
u farraġtni
Hallelujah, Hallelujah
Il-kelma ta’ Alla lqajtuha mhux bħala kelma ta’ bniedem,
iżda bħala kelma ta’ Alla,
kif tassew hi.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 19, 3-12
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, resqu fuq Ġesù xi Fariżej biex iġarrbuh, u qallulu:
“Jista’ wieħed jitlaq lil martu fuq xi ħaġa, tkun xi tkun?”
Iżda hu qalilhom:
“Ma qrajtux li sa mill-bidu
l-Ħallieq għamilhom raġel u mara, u qal: ‘
‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed’?
Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu
l-bniedem.”
Qalulu:
“Mela allura għaliex ordna Mosè li żewġha jagħtiha
l-kitba tad-divorzju u jibgħatha?”
Qalilhom:
“Kien minħabba l-ebusija ta’ qalbkom li Mosè takom
il-permess tibagħtu
n-nisa tagħkom. Iżda ma kienx hekk mill-bidu.
U ngħidilkom, li min jibgħat lil martu - barra
l-każ ta' żwieġ ħażin –
u jiżżewweġ oħra jkun ħati
ta' adulterju.”
Qalulu d-dixxipli:
“Mela ladarba din hi
l-kondizzjoni tar-raġel
mal-mara, ma jaqbilx li
wieħed jiżżewweġ.”
Iżda hu qalilhom:
“Mhux kulħadd jifhimha din il-ħaġa, imma dawk li lilhom jingħata li jifhmuha.
Hemm ewnuki li jitwieldu hekk minn ġuf ommhom, oħrajn jagħmluhom hekk
in-nies,
u hemm oħrajn li jsiru hekk minn rajhom minħabba
s-Saltna tas-Smewwiet.
Min jista’ jifhem, jifhem.”
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu