Ismu huwa Ġwanni
Qari mill-ktieb
tal-Profeta Malakija.
Mal 3, 1-4.23-24
Dan jgħid il-Mulej Alla:
“Araw, jiena se nibgħat
il-messaġġier tiegħi biex iħejji it-triq quddiemi,
u minnufih jidħol fit-tempju tiegħu s-Sid li intom qegħdin tfittxu;
u l-anġlu tal-patt, li intom tixtiequ, arawh, ġej,
jgħid il-Mulej tal-eżerċti.
Imma min se jissaporti
l-Jum tal-miġja tiegħu?
U min hu li se jieqaf meta
jidher?
Għax hu bħan-nar
ta’ wieħed li jsaffi u
bħas-sapun tal-ħassiela.
U joqgħod isaffi u
jnaddaf il-fidda, u jnaddaf
’l ulied Levi, u jsaffihom
bħad-deheb u l-fidda,
u huma jsiru għall-Mulej
nies li jagħmlu offerta
bis-sewwa.
U tibda togħġbu lill-Mulej
l-offerta ta’ Ġuda u ta’ Ġerusalemm bħal dari,
bħal fis-snin l-imgħoddija.
Ara, jiena nibagħtilkom ’l Elija l-profeta qabel ma jasal Jum il-Mulej, u Jum
il-biża’.
U jdawwar qalb il-missirijiet lejn uliedhom u qalb l-ulied lejn missirijiethom, li ma niġix naħbat għall-art u nħalliha tinqered.”
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Erfgħu raskom,
għax il-fidwa tagħkom
hi fil-qrib
Salm Responsorjali
Triqatek, Mulej,
għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa
tiegħek u għallimni,
għax int Alla
tas-salvazzjoni tiegħi.
R:/ Erfgħu raskom,
għax il-fidwa tagħkom
hi fil-qrib
Tajjeb u sewwa
l-Mulej;
għalhekk juri
t-triqtu lill-ħatjin,
Imexxi l-imsejkna
fis-sewwa
jgħallem lill-fqajrin
it-triq tiegħu.
R:/ Erfgħu raskom,
għax il-fidwa tagħkom
hi fil-qrib
Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tieba u fedeltà għal min iħares l-patt u
l-liġijiet tiegħu.
Midħla l-Mulej ta’
dawk li jibżgħu minnu,
lilhom jgħarraf il-patt
tiegħu.
R:/ Erfgħu raskom,
għax il-fidwa tagħkom
hi fil-qrib
Hallelujah, Hallelujah
O Għimanu-El,
sultan tagħna li tajtna liġi,
ejja u salvana,
Mulej, Alla tagħna.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Luqa
Lq 1, 57-66
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Eliżabetta għalqilha ż-żmien biex
teħles, u kellha tifel.
Il-ġirien u qrabatha semgħu
li l-Mulej wera ħniena
kbira magħha, u marru jifirħu magħha.
Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu
ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel riedu jsemmuh Żakkarija, għal missieru;
imma qabżet ommu u qalet:
“Le iżda Ġwanni jkun
jismu.”
Qalulha:
“Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek!”
Imbagħad bdew jistaqsu
bis-sinjali lil missieru
x’ried isemmih,
u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk
“Ismu huwa Ġwanni.”
U kulħadd baqa’ mistagħġeb.
Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu ilsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar lil Alla.
U l-ġirien tagħhom ilkoll
qabadhom il-biża’, u bdew
ixandru dawn il-ġrajjiet
kollha mal-għoljiet kollha
tal-Lhudija,
u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f’qalbu u jgħid:
“Mela x’għad ikun
dan it-tifel?”
U tassew, id il-Mulej kienet miegħu.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
Ismu huwa Ġwanni