Tielet Ħadd
tal-Għid
Sena Ċ
Glorja `l Alla fil-għoli
tas-smewwiet, u paċi fl-art
lill-bnedmin ta’ rieda tajba.
Infaħħruk, inberkuk, nadurawk, nagħtuk ġieh. Inroddulek ħajr għall-glorja kbira tiegħek.
Mulej Alla,
Sultan tas-sema,
Alla Missier li tista’ kollox. Mulej Iben waħdieni,
Ġesù Kristu,
Mulej Alla, Ħaruf ta’ Alla,
Bin il-Missier.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ħenn għalina.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ilqa’ t-talb tagħna. Int li qiegħed fuq il-lemin
tal-Missier, ħenn għalina. Għaliex Int waħdek Qaddis,
Int waħdek Mulej,
Int waħdek il-għoli,
Ġesù Kristu,
ma’ l-Ispirtu s-Santu:
fil-glorja tal-Missier Alla. Ammen.
Tielet Ħadd
tal-Għid
Sena Ċ
Qari I
Ta’ dan kollu hawn xhieda aħna u l-Ispirtu s-Santu.
Qari mill-Ktieb
tal-Atti tal-Appostli. Atti 5:27b-32,40b-41
F’dak iż-żmien, il-qaddejja ressqu lill-appostli quddiem
is-Sinedriju.
U l-qassis il-kbir qalilhom: “Aħna għednielkom fuq li għednielkom biex ma tgħallmux fuq dan l-isem.
U araw, issa mlejtu
’l Ġerusalemm
bit-tagħlim tagħkom,
u tridu titfgħu fuqna
l-ħtija ta’ demm dan
il-bniedem!”.
Iżda Pietru, flimkien
mal-appostli, wieġeb u qal:
“Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-bnedmin.
Alla ta’ missirijietna qajjem
lil Ġesù li intom qtiltuh
billi dendiltuh ma’ għuda.
Alla għollieh bil-leminija tiegħu u għamlu kap u salvatur, biex jagħti lil Iżrael l-indiema u l-maħfra tad-dnubiet.
U ta’ dan kollu hawn xhieda aħna flimkien mal-Ispirtu
s-Santu li Alla ta lil dawk li jobduh”.
Lill-appostli, wara li tawhom is-swat, ordnawlhom li ma jitkellmux fuq l-isem ta’ Ġesù; imbagħad telquhom.
Iżda huma ħarġu minn quddiem is-Sinedriju ferħana talli ġew meqjusa
bħala nies li jistħoqqilhom
li jkunu mmaqdra minħabba
l-isem ta’ Ġesù.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 29(30):2,4,5,6,11,12a,13b
℟. Ngħollik, Mulej,
għax erfajtni.
Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,
u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.
Mulej, tellajtli mill-mewt
’il ruħi,
ħlistni minn fost dawk li
jinżlu fil-ħofra.
℟. Ngħollik, Mulej,
għax erfajtni.
Għannu lill-Mulej,
ħbieb tiegħu,
faħħru l-isem imqaddes tiegħu.
Għax ftit iddum
is-saħna tiegħu,
iżda għomor sħiħ
l-imħabba tiegħu.
Filgħaxija jidħol il-biki,
filgħodu jidwi l-għajat ta’ ferħ.
℟. Ngħollik, Mulej,
għax erfajtni.
Ismagħni, Mulej,
u ħenn għalija;
kun, Mulej,
l-għajnuna tiegħi!
Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi.
Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem!
℟. Ngħollik, Mulej,
għax erfajtni.
Qari II �Jistħoqqlu l-Ħaruf il-maqtul li jirċievi l-qawwa u l-għana.
Qari mill-Ktieb
tal-Apokalissi ta’
San Ġwann Appostlu Apok 5:11-14
Jiena, Ġwanni, ħarist, u minn madwar it-tron u l-Ħlejjaq Ħajjin u x-Xjuħ smajt il-leħen ta’ ħafna anġli,
li l-għadd tagħhom kien għaxriet ta’ eluf,
u eluf ta’ eluf,
jgħidu b’leħen qawwi:
“Jistħoqqlu l-Ħaruf
li kien maqtul
li jirċievi l-qawwa u l-għana
u l-għerf u s-saħħa
u l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir”.
U fis-sema, fuq l-art,
taħt l-art, u fil-baħar u
l-ħlejjaq kollha li fihom, smajthom jgħidu:
“Lil dak li qiegħed fuq it-tron
u lill-Ħaruf,
jingħata t-tifħir u l-ġieħ
u l-glorja u l-ħakma,
għal dejjem ta’ dejjem”.
L-erba’ Ħlejjaq Ħajjin
bdew iwieġbu:
“Amen!”,
filwaqt li x-Xjuħ
inxteħtu jagħtu qima.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.
Hallelujah, Hallelujah
Kristu qam mill-imwiet,
hu li ħalaq id-dinja,
u fil-ħniena tiegħu
salva lill-bnedmin kollha.
Hallelujah, Hallelujah
Evanġelju
Ġesù qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut.
✠ Qari mill-Evanġelju
skont San Ġwann Ġw 21:1-19
F’dak iż-żmien,
Ġesù raġa’ deher
lid-dixxipli ħdejn
il-baħar ta’ Tiberija.
Dehrilhom hekk:
Xmun Pietru, Tumas,
li jgħidulu t-Tewmi,
Natanjel minn
Kana tal-Galilija,
ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien.
Xmun Pietru qalilhom:
“Sejjer nistad”.
Qalulu:
“Ħa niġu miegħek aħna wkoll”.
Marru, rikbu d-dgħajsa,
u dak il-lejl ma qabdu xejn.
Filgħodu mas-sebħ,
Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux
jafu li kien Ġesù.
Ġesù qalilhom:
“Għandkom x’tieklu, ħbieb?”.
“Le”,
weġbuh.
Qalilhom:
“Waddbu x-xibka n-naħa
tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu”.
Dawn waddbu x-xibka,
u mbagħad ma felħux jiġbduha daqskemm qabdu ħut!
Id-dixxiplu li kien iħobb
Ġesù qal lil Pietru:
“Il-Mulej dan!”.
Għalhekk Xmun Pietru,
kif sama’ li kien il-Mulej,
xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq,
għax kien għoddu għeri,
u ntafa’ l-baħar.
Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq
mill-art, imma xi mitejn
driegħ biss,
resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut.
Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad,
bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż.
Qalilhom Ġesù:
“Newlu ’l hawn xi ħutiet
minn dawk li għadkom
kemm qbadtu”.
Xmun Pietru tala’ fid-dgħajsa
u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira;
u minkejja daqshekk ħut,
ix-xibka ma nqasmitx.
Qalilhom Ġesù:
“Ejjew, kulu”.
Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih:
“Int min int?”,
għax kienu jafu li kien il-Mulej.
Ġesù resaq, qabad il-ħobż
u newwilhulhom;
u hekk ukoll għamel bil-ħut.
Din kienet ġa t-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara
l-qawmien tiegħu mill-imwiet.
Wara li kielu xi ħaġa,
Ġesù qal lil Xmun Pietru:
“Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?”.
Wieġbu:
“Iva, Mulej, int taf li nħobbok”.
Qallu:
“Irgħa l-ħrief tiegħi”.
Staqsieh għat-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni,
tħobbni int?”.
Wieġbu:
“Iva, Mulej, int taf li nħobbok”.
Qallu:
“Irgħa n-nagħaġ tiegħi”.
Għat-tielet darba staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?”
Pietru ħass għafsa ta’ qalb
għax staqsieh
għat-tielet darba:
“Tħobbni?”,
u qallu:
“Mulej, int taf kollox,
inti taf li nħobbok”.
Qallu Ġesù:
“Irgħa n-nagħaġ tiegħi.
Tassew tassew ngħidlek,
meta kont żagħżugħ,
kont titħażżem waħdek u
tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u
jieħdok fejn ma tkunx trid!”
Dan qalu biex ifisser b’liema mewta kien sejjer jagħti
glorja lil Alla.
Imbagħad Ġesù ssokta jgħidlu: “Ejja warajja”.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. It-tifħir lilek Kristu.
Tielet Ħadd
tal-Għid
Sena Ċ
Jiena nemmen f’Alla wieħed,
il-Missier li jista’ kollox,
li ħalaq is-sema u
l-art, dak kollu li jidher
u dak li ma jidhirx.
U f’Mulej wieħed Ġesù Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla,
imnissel mill-Missier
qabel kull żmien.
Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul, natura waħda mal-Missier
u bih sar kollox.
Niżel mis-smewwiet għalina
l-bnedmin u għall-fidwa
tagħna. U ħa l-ġisem
bis-setgħa tal-Ispirtu
s-Santu minn Marija Verġni
u sar bniedem. Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh,
u fit-tielet jum qam
minn bejn l-imwiet, skont
il-Kotba mqaddsa,
u tela’ s-sema, u qieghed fuq
il-lemin tal-Missier.
U għandu jerġa jiġi
bil-glorja biex jagħmel ħaqq
mill-ħajjin u mill-mejtin, u
s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem. U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja li ġej mill-Missier u mill-Iben:
li Hu meqjum u mweġġah flimkien mal-Missier u
mal-Iben. Hu li tkellem b’fomm il-profeti.
U fi Knisja waħda,
qaddisa, kattolika,appostolika.
Nistqarr magħmudija waħda
għall-maħfra tad-dnubiet.
U nistenna l-qawma
mill-imwiet, u l-ħajja
taż-żmien li ġej.
Ammen.
Tielet Ħadd
tal-Għid
Sena Ċ