L-Erbgħa
tar-Raba’ Ġimgħa
tal-Għid
Qari mill-Ktieb
tal-Atti tal-Appostli
Atti 12, 24 – 13, 5a
F’dak iż-żmien, il-kelma ta’ Alla baqgħet tikber u toktor.
Barnaba u Sawl, wara li temmew il-ministeru tagħhom f’Ġerusalemm, reġgħu lura u ħadu magħhom lil Ġwanni, li jgħidulu wkoll Marku.
Fil-Knisja ta’ Antjokja kien hemm xi profeti u għalliema:
Barnaba, Xmun li jgħidulu Niger, Luċju minn Ċireni, Manahen li kien trabba ma’ Erodi t-tetrarka, u Sawl.
Darba, waqt li kienu qegħdin iqimu lill-Mulej u jsumu, l-Ispirtu s-Santu qalilhom:
“Agħżluli malajr lil
Barnaba u lil Sawl
għax-xogħol li għalih sejjaħtilhom”.
Imbagħad, wara li samu u talbu, qiegħdu jdejhom
fuqhom u bagħtuhom.
Għalhekk huma, mibgħuta mill-Ispirtu s-Santu, niżlu Selewkja, u minn hemm telqu bil-baħar għal Ċipru.
Meta waslu Salamina, bdew ixandru l-kelma ta’ Alla
fis-sinagogi tal-Lhud.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Ifaħħruk il-popli, o Alla, ifaħħruk il-popli kollha
Salm Responsorjali
Iħenn għalina Alla, u jberikna;
idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu!
Biex jingħarfu fuq l-art triqatek,
fost il-ġnus kollha
s-salvazzjoni tiegħek.
R:/ Ifaħħruk il-popli, o Alla, ifaħħruk il-popli kollha
Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ, għax trieġi l-popli bis-sewwa, u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom.
R:/ Ifaħħruk il-popli, o Alla, ifaħħruk il-popli kollha
Ifaħħruk il-popli, o Alla,
ifaħħruk il-popli kollha.
Iberikna Alla, u tibża’ minnu
l-art kollha minn tarf
għall-ieħor!
R:/ Ifaħħruk il-popli, o Alla, ifaħħruk il-popli kollha
Hallelujah, Hallelujah
Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej;
min jiġi warajja jkollu
d-dawl tal-ħajja.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Ġwann
Ġw 12, 44-50
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù għolla leħnu u qal:
“Min jemmen fija jkun qiegħed jemmen mhux fija imma f’min bagħatni; u min jara lili jkun qiegħed jara lil min bagħatni.
Jiena huwa d-dawl li ġejt
fid-dinja biex kull min jemmen fija ma jibqax
fid-dlam.
Min jisma’ kliemi u ma jħarsux, jiena ma nagħmilx ħaqq minnu, għax jien ma ġejtx biex nagħmel ħaqq mid-dinja,
Iżda biex insalva d-dinja.
Min imaqdar lili u ma jilqax kliemi, hemm min jagħmel ħaqq minnu:
il-kelma li jiena għedt;
tkun hi li tagħmel ħaqq minnu fl-aħħar jum. Għax jien ma għedt xejn minn moħħi, imma kien dak li bagħatni,
jiġifieri l-Missier, li ordnali
xi ngħid u nitkellem. U jiena naf li l-ordni tiegħu hija l-ħajja ta’ dejjem.
Dak li ngħid jien, ngħidu kif qalli l-Missier”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
L-Erbgħa
tar-Raba’ Ġimgħa
tal-Għid