It-Tlieta
tas-Sitt Ġimgħa tal-Għid
“Jekk ma mmurx,
id-Difensur ma jiġix għandkom”
Qari mill-Ktieb
tal-Atti tal-Appostli
Atti 16, 22-34
F’dak iż-żmien, il-folla
tal-Filippin qamet kontra Pawlu u Sila;
il-maġistrati ċarrtulhom ħwejjiġhom u ordnaw li jsawtuhom bil-bsaten.
Wara li tawhom xebgħa sewwa, tefgħuhom il-ħabs, u taw ordni lill-għassies biex iħarishom tajjeb. Kif irċieva ordni bħal din,
l-għassies tefagħhom
il-ħabs, ’il ġewwa nett, u qaflilhom saqajhom f’ċipp tal-injam.
Għall-ħabta ta’ nofsillejl
Pawlu u Sila bdew jitolbu u jfaħħru ’l Alla bl-innijiet, u l-ħabsin jisimgħuhom.
F’daqqa waħda sar terremot hekk kbir li s-sisien tal-ħabs theżżu, minnufih il-bibien kollha nfetħu beraħ u nħall
l-irbit ta’ kulħadd.
Kif l-għassies stenbaħ u ra
l-bibien tal-ħabs miftuħa
beraħ, silet is-sejf u kien se jneħħi ħajtu b’idejh,
għax stħajjel li l-ħabsin kienu ħarbu. Imma Pawlu għajjat b’leħen għoli u qallu:
“Tagħmel ebda ħsara lilek innifsek, għax aħna lkoll hawn”.
L-għassies talab id-dawl, daħal jiġri, u mriegħed
bil-biża’ nxteħet f’riġlejn Pawlu u Sila. Imbagħad ħariġhom barra u qalilhom:
“Sinjuri, x’għandi nagħmel biex insalva?”.
Huma weġbuh:
“Emmen fil-Mulej Ġesù, u ssalva int u l-familja tiegħek”.
U ħabbrulu l-kelma
tal-Mulej, lilu u lil dawk kollha li kienu f’daru.
Dak il-ħin stess billejl,
l-għassies ħadhom miegħu, ħaslilhom il-ġrieħi, u bla telf ta’ żmien tgħammed hu u niesu kollha.
Imbagħad tellagħhom
id-dar tiegħu, għamlilhom mejda, u feraħ man-nies kollha ta’ daru talli kien emmen f’Alla.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Mulej, il-leminija tiegħek issalvani
Salm Responsorjali
Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,
għaliex int smajt kliem fommi.
Quddiem l-allat irrid ngħannilek.
B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek.
R:/ Mulej, il-leminija tiegħek issalvani
Irroddlok ħajr għat-tieba u l-fedeltà tiegħek,
għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.
Meta sejjaħtlek, int weġibtni,
kattarli l-qawwa f’ruħi.
R:/ Mulej, il-leminija tiegħek issalvani
Il-leminija tiegħek issalvani.
Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.
It-tieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem;
la titlaqx għemil idejk!
R:/ Mulej, il-leminija tiegħek issalvani
Hallelujah, Hallelujah
Nibagħtilkom l-Ispirtu
tal-verità, jgħid il-Mulej,
u jwassalkom għall-verità kollha.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Ġwann
Ġw 16, 5-11
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:
“Issa sejjer għand dak li bagħatni, u ħadd minnkom ma jistaqsini:
‘Fejn sejjer?’.
Imma għax għedtilkom dan, qalbkom imtliet
bin-niket. Madankollu, ngħidilkom is-sewwa, jaqblilkom li jiena mmur;
għaliex, jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom; imma jekk immur, nibgħathulkom.
U meta huwa jiġi, juri
lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub, il-ġustizzja u l-ġudizzju.
Id-dnub, filli huma ma jemmnux fija;
il-ġustizzja, filli jien sejjer għand il-Missier, u intom m’intomx se tarawni iżjed;
il-ġudizzju, filli l-Prinċep ta’ din id-dinja huwa ġa kkundannat”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
It-Tlieta
tas-Sitt Ġimgħa tal-Għid
“Jekk ma mmurx,
id-Difensur ma jiġix għandkom”