Glorja `l Alla fil-għoli
tas-smewwiet, u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba.
Infaħħruk,
inberkuk,
nadurawk,
nagħtuk ġieh.
Inroddulek ħajr
għall-glorja kbira tiegħek. Mulej Alla, Sultan
tas-sema,
Alla Missier li tista’ kollox.
Mulej Iben waħdieni, Ġesù Kristu,
Mulej Alla, Ħaruf ta’ Alla, Bin il-Missier.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ħenn għalina.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ilqa’ t-talb tagħna.
Int li qiegħed fuq il-lemin tal-Missier, ħenn għalina. Għaliex Int waħdek Qaddis, Int waħdek Mulej,
Int waħdek il-għoli,
Ġesu’ Kristu, ma’ l-Ispirtu
s-Santu:
fil-glorja tal-Missier Alla.
Ammen.
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Malakija
Mal 1, 14b – 2, 2b.8-10
Jien Sultan kbir – jgħid
il-Mulej tal-eżerċti – u ismi ta’ min jibża’ minnu fost
il-ġnus.
U issa għalikom, qassisin, huwa dan il-kmandament:
Jekk intom ma tisimgħux u jekk ma tfittxux minn qalbkom li ssebbħu lil ismi,
jgħid il-Mulej tal-eżerċti, jiena nibgħat fuqkom
is-saħta, u nisħet il-barkiet tagħkom.
Intom twarrabtu mit-triq,
ġagħaltu ’l ħafna jitfixklu bit-tagħlim tagħkom;
ħassartu l-patt ta’ Levi,
jgħid il-Mulej tal-eżerċti.
Għalhekk jien ukoll tlaqtkom għaż-żebliħ
u għat-tmaqdir tal-poplu kollu, bħalma intom ma żammejtux triqati,
u ħaristu lejn l-uċuħ
fit-tagħlim tagħkom.
Mhux Missier wieħed għandna lkoll kemm aħna? Mhux Alla wieħed ħalaqna?
Mela għaliex nimxu
bil-qerq bejnietna u nonqsu mill-ġieħ lejn il-patt ta’ missirijietna?
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Mulej, ħarisli ruħi
fis-sliem
Salm Responsorjali
Mulej, ma tkabbritx qalbi,
anqas ma ntrefgħu għajnejja;
jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar,
jew wara ħwejjeġ ogħla minni.
R:/ Mulej, ħarisli ruħi
fis-sliem
Imma żammejt ruħi
fis-skiet u l-mistrieħ,
bħal tarbija f’ħoġor ommha;
bħal tarbija miftuma,
hekk hi ruħi ġewwa fija.
R:/ Mulej, ħarisli ruħi
fis-sliem
Ittama, Iżrael, fil-Mulej,
minn issa u għal dejjem!
R:/ Mulej, ħarisli ruħi
fis-sliem
Qari mill-Ewwel Ittra ta’
San Pawl Appostlu
lit-Tessalonkin
1 Tess 2, 7b-9.13
Ħuti, aħna ġibna ruħna magħkom bil-ħlewwa, bħalma omm tradda’ tħaddan lil uliedha.
Aħna għożżejniekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju ta’ Alla
imma wkoll ħajjitna stess, daqskemm ħabbejniekom.
Intom, ħuti, tiftakru
fit-taħbit u t-tbatija kbira tagħna.
Sakemm konna qegħdin inxandrulkom
l-Evanġelju ta’ Alla,
aħna ħdimna bil-lejl u binhar, biex lil ħadd minnkom ma ngħabbu.
Aħna niżżu ħajr bla heda lil Alla talli l-kelma ta’ Alla, li intom smajtu mingħandna, iltqajtuha mhux bħala kelma ta’ bniedem,
iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi, dik il-kelma li qiegħda taħdem fikom li emmintu.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
Hallelujah, Hallelujah
Il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet;
il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 23, 1-12
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù kellem lin-nies u
lid-dixxipli tiegħu, u qalilhom:
“Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u
l-Fariżej. Mela kull ma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh,
iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn.
Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor,
waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jridu jħarrkuhom.
Kull ma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies;
għalhekk ikabbru
l-filatteri u jtawlu
l-ġmiemen tagħhom.
Iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed, u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi,
u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejħulhom “rabbi”.
Imma intom tħallux min isejħilkom “rabbi”, għax
l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa.
U ssejħu lil ħadd “missier” fuq din l-art, għax
il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewiet.
Hekk ukoll tħallux min issejħilkom “mexxejja”, għax il-Mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija.
Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
Jiena nemmen f’Alla wieħed, il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u
l-art, dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx.
U f’Mulej wieħed Ġesù Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla,
imnissel mill-Missier
qabel kull żmien.
Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul, natura waħda mal-Missier u bih sar kollox.
Niżel mis-smewwiet għalina
l-bnedmin u għall-fidwa
tagħna.
U ħa l-ġisem
bis-setgħa tal-Ispirtu
s-Santu minn Marija Verġni u sar bniedem.
Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh, u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet, skont
il-Kotba mqaddsa,
u tela’ s-sema, u qieghed fuq
il-lemin tal-Missier.
U għandu jerġa jiġi
bil-glorja biex jagħmel ħaqq
mill-ħajjin u mill-mejtin, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.
U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja li ġej
mill-Missier u mill-Iben:
li Hu meqjum u mweġġah flimkien mal-Missier u
mal-Iben. Hu li tkellem b’fomm il-profeti.
U fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika, appostolika.
Nistqarr magħmudija waħda
għall-maħfra tad-dnubiet.
U nistenna l-qawma
mill-imwiet, u l-ħajja
taż-żmien li ġej.
Ammen.