Il-Ħames Ħadd
Sena Ċ
Telqu kollox u marru warajh.
Glorja `l Alla fil-għoli
tas-smewwiet, u paċi fl-art
lill-bnedmin ta’ rieda tajba.
Infaħħruk, inberkuk, nadurawk, nagħtuk ġieh. Inroddulek ħajr għall-glorja kbira tiegħek.
Mulej Alla,
Sultan tas-sema,
Alla Missier li tista’ kollox. Mulej Iben waħdieni,
Ġesù Kristu,
Mulej Alla, Ħaruf ta’ Alla,
Bin il-Missier.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ħenn għalina.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ilqa’ t-talb tagħna. Int li qiegħed fuq il-lemin
tal-Missier, ħenn għalina. Għaliex Int waħdek Qaddis,
Int waħdek Mulej,
Int waħdek il-għoli,
Ġesù Kristu,
ma’ l-Ispirtu s-Santu:
fil-glorja tal-Missier Alla. Ammen.
Il-Ħames Ħadd
Sena Ċ
Telqu kollox u marru warajh.
Qari I
Hawn jien: ibgħat lili!
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Iżaija Iż 6:1-2a,3-8
Fis-sena li fiha miet is-sultan Għużżija, jien rajt lil Sidi bilqiegħda fuq tron għoli merfugħ ’il fuq;
djul il-libsa tiegħu kienu jimlew it-tempju.
’Il fuq minnu kien hemm serafini,
li kienu jgħajtu u jwieġbu
lil xulxin:
“Qaddis, qaddis, qaddis hu
l-Mulej tal-eżerċti!
L-art kollha mimlija
bil-glorja tiegħu”.
Bl-għajat tagħhom
is-sisien tal-għetiebi theżżu,
u t-tempju mtela bid-duħħan.
Imbagħad jiena għedt:
“Jaħasra għalija! Mitluf jien!
Bniedem b’xufftejh
imniġġsa jien!
U f’nofs poplu b’xufftejh imniġġsa ngħammar;
madankollu rajt
b’għajnejja lis-Sultan,
il-Mulej tal-eżerċti”.
Wieħed mis-serafini ttajjar lejja, b’ġamra nar f’idu,
li hu kien qabad bi mqass
minn fuq l-altar,
u messli fommi biha u qalli:
“Ara, din messitlek xufftejk:
ħżunitek għebet,
u dnubek inħafer”.
Imbagħad smajt leħen
Sidi jgħid:
“Lil min se nibgħat?
Min se jmurilna?”.
U jien weġibt:
“Hawn jien: ibgħat lili!”.
Il-Kelma tal-Mulej
℟ Irroddu ħajr lill Alla
Salm Responsorjali
Salm 137(138):1-2a,2bċ-3,4-5,7ċ-8
℟ Quddiem l-allat, Mulej,
irrid ngħannilek.
Irroddlok ħajr, Mulej,
b’qalbi kollha,
għaliex int smajt kliem fommi.
Quddiem l-allat
irrid ngħannilek.
B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek.
℟ Quddiem l-allat, Mulej,
irrid ngħannilek.
Irroddlok ħajr għat-tjieba
u l-fedeltà tiegħek,
għax int kabbart ismek
u kelmtek fuq kollox.
Meta sejjaħtlek,
int weġibtni,
kattarli l-qawwa f’ruħi.
℟ Quddiem l-allat, Mulej,
irrid ngħannilek.
Iroddulek ħajr, Mulej,
is-slaten kollha tal-art,
għaliex semgħu l-kliem
ta’ fommok.
U jgħannu l-imġiba tal-Mulej,
għax kbir hu sebħ il-Mulej!
℟ Quddiem l-allat, Mulej,
irrid ngħannilek.
Il-leminija tiegħek issalvani.
Il-Mulej iżomm
kelmtu miegħi.
It-tjieba tiegħek, Mulej,
tibqa’ għal dejjem;
la titlaqx għemil idejk.
℟ Quddiem l-allat, Mulej,
irrid ngħannilek.
Qari II
Dan aħna xandarna, u dan emmintu intom.
Qari mill-Ewwel Ittra
ta’ San Pawl Appostlu
lill-Korintin 1 Kor 15:1-11
Ħuti, irrid infakkarkom
fl-Evanġelju li xandarnielkom
u li intom ilqajtu u li fih qegħdin iżżommu sħiħ.
Bih intom salvi bil-kelma
li jien ħabbartilkom,
kemm-il darba żżommuha, jekk ma emmintux għalxejn.
Qabelxejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri,
li Kristu miet
minħabba dnubietna,
skont l-Iskrittura;
difnuh u qam mill-imwiet
fit-tielet jum,
skont l-Iskrittura.
U deher lil Kefa,
u mbagħad lit-Tnax.
Deher imbagħad lil aktar
minn ħames mitt aħwa flimkien.
Ħafna minnhom għadhom ħajjin sal-lum; xi wħud minnhom raqdu.
Imbagħad deher lil Ġakbu
u lill-appostli kollha.
Fl-aħħar deher lili wkoll
wara kulħadd,
qisni twelidt mormi
qabel il-waqt,
għax jien l-inqas wieħed fost
l-appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għaliex kont naħqar il-Knisja ta’ Alla.
Imma bil-grazzja ta’ Alla jien dak li jien u l-grazzja tiegħu fija ma sfatx fix-xejn,
għax tħabatt ħafna iktar minnhom ilkoll;
għad li mhux jien,
iżda l-grazzja ta’ Alla
li hi miegħi.
Imma sew huma u sew jien, dan aħna xandarna,
u dan emmintu intom.
Il-Kelma tal-Mulej
℟ Irroddu ħajr lill Alla
Hallelujah, Hallelujah
Mt 4:19
Ejjew warajja,
u nagħmilkom
sajjieda tal-bnedmin.
Hallelujah, Hallelujah
Evanġelju
Telqu kollox u marru warajh.
Qari mill-Evanġelju
skond San Luqa Lq 5:1-11
Darba l-kotra bdiet tross
fuq Ġesù biex tisma’
l-kelma ta’ Alla.
Hu kien qiegħed f’xatt
l-għadira ta’ Ġennesaret.
U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek.
Tela’ fuq waħda minnhom,
li kienet ta’ Xmun,
u talbu jaqla’ kemmxejn
’il barra mill-art;
imbagħad qagħad bilqiegħda
u beda jgħallem lin-nies
mid-dgħajsa.
Meta temm li kellu jgħid,
qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”.
Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn.
Imma, la qiegħed tgħid int,
ħa nkala x-xbiek”.
Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam.
Għalhekk għamlu sinjal
lil sħabhom li kienu
fid-dgħajsa l-oħra biex
jiġu jgħinuhom.
Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.
Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù
u qallu:
“Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!”.
Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu.
U hekk ukoll ġralhom
Ġakbu u Ġwanni,
ulied Żebedew,
li kienu sħab Xmun.
Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies”.
Meta mbagħad ressqu
d-dgħajjes mal-art,
telqu kollox u marru warajh.
Il-Kelma tal-Mulej
℟ Tifħir lilek Kristu
Il-Ħames Ħadd
Sena Ċ
Telqu kollox u marru warajh.
Jiena nemmen f’Alla wieħed,
il-Missier li jista’ kollox,
li ħalaq is-sema u
l-art, dak kollu li jidher
u dak li ma jidhirx.
U f’Mulej wieħed Ġesù Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla,
imnissel mill-Missier
qabel kull żmien.
Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul, natura waħda mal-Missier
u bih sar kollox.
Niżel mis-smewwiet għalina
l-bnedmin u għall-fidwa
tagħna. U ħa l-ġisem
bis-setgħa tal-Ispirtu
s-Santu minn Marija Verġni
u sar bniedem. Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh,
u fit-tielet jum qam
minn bejn l-imwiet, skont
il-Kotba mqaddsa,
u tela’ s-sema, u qieghed fuq
il-lemin tal-Missier.
U għandu jerġa jiġi
bil-glorja biex jagħmel ħaqq
mill-ħajjin u mill-mejtin, u
s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem. U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja li ġej mill-Missier u mill-Iben:
li Hu meqjum u mweġġah flimkien mal-Missier u
mal-Iben. Hu li tkellem b’fomm il-profeti.
U fi Knisja waħda,
qaddisa, kattolika,appostolika.
Nistqarr magħmudija waħda
għall-maħfra tad-dnubiet.
U nistenna l-qawma
mill-imwiet, u l-ħajja
taż-żmien li ġej.
Ammen.
Il-Ħames Ħadd
Sena Ċ
Telqu kollox u marru warajh.