Is-Sibt
tat-Tielet Ġimgħa
tal-Għid
Qari mill-Ktieb
tal-Atti tal-Appostli
Atti 9, 31-42
F’dak iż-żmien, il-Knisja kienet fis-sliem fil-Lhudija u l-Galilija u s-Samarija kollha;
kienet dejjem tikber u timxi ’l quddiem bil-biża’
tal-Mulej, u tiżdied
fl-għadd bl-għajnuna
tal-Ispirtu s-Santu.
Ġara li Pietru, huwa u jdur dawk l-inħawi kollha, niżel ukoll għand il-qaddisin li kienu joqogħdu Lidda.
Hemmhekk sab raġel mifluġ, jismu Enea, li kien ilu tmien snin mixħut
fis-sodda. Pietru qallu:
“Enea, Ġesù Kristu jfejqek; qum u ifrex
is-sodda inti stess”.
U dak minnufih qam.
In-nies kollha li kienu joqogħdu f’Lidda u f’Saron rawh, u daru lejn il-Mulej. F’Ġaffa kien hemm waħda mid-dixxipli jisimha Tabita,
isem li jfisser Għażżiela; kienet mara tagħmel ħafna opri ta’ karità u għemejjel tajba. Ħabat li f’dawk
il-ġranet mardet u mietet;
keffnuha, u qegħduha
fil-kamra ta’ fuq. Billi Lidda tiġi qrib Ġaffa,
id-dixxipli, meta semgħu li Pietru kien hemm,
bagħtulu żewġt irġiel jitolbuh u jgħidulu:
“Iddumx ma tiġi sa għandna”.
Minnufih Pietru qam u
telaq magħhom.
Kif wasal, tellgħuh
fil-kamra ta’ fuq, u r-romol kollha daru miegħu,
jibku u juruh l-ilbies u
l-mantar li kienet għamlitilhom Tabita meta kienet għadha magħhom.
Pietru bagħat lil kulħadd ’il barra u niżel għarkupptejh jitlob.
Imbagħad dar lejn
il-katavru u qal:
“Tabita, qum!”.
Hi fetħet għajnejha u, malli rat lil Pietru, qamet bilqiegħda.
Pietru taha idu u qajjimha. Sejjaħ imbagħad
lill-qaddisin u r-romol, u tahielhom ħajja.
Ġaffa kollha saret taf b’dan, u ħafna emmnu fil-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Xi rrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi?
Salm Responsorjali
Xi rrodd lill-Mulej
għall-ġid kollu li għamel miegħi?
Ngħolli l-kalċi
tas-salvazzjoni,
u isem il-Mulej insejjaħ.
R:/ Xi rrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi?
Intemm lill-Mulej
il-wegħdiet tiegħi,
quddiem il-poplu tiegħu kollu.
Għażiża f’għajnejn il-Mulej
hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu.
R:/ Xi rrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi?
Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek,
jien qaddej tiegħek, bin
il-qaddejja tiegħek.
Int ħallejtli l-irbit tiegħi.
Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u isem il-Mulej insejjaħ
R:/ Xi rrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi?
Hallelujah, Hallelujah
Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja;
Inti għandek il-kliem
tal-ħajja ta’ dejjem.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Ġwann
Ġw 6, 60-69
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, ħafna dixxipli ta’ Ġesù, meta semgħuh jitkellem fuq
il-ħobż tal-ħajja qalu:
“Iebes dan il-kliem!
Min jiflaħ jisimgħu?”.
Ġesù ntebaħ waħdu li
d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk, u qalilhom:
“Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom? Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela’ fejn kien qabel?
Hu l-ispirtu li jagħti
l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja.
Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux”.
Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih. U ssokta jgħidilhom:
“Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk
il-Missier ma jagħtihx li jiġi”.
Minn dakinhar bosta
mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh.
Imbagħad Ġesù
qal lit-Tnax:
“Tridux titilqu intom ukoll?”.
Wieġbu Xmun Pietru:
“Mulej, għand min
immorru?
Inti għandek il-kliem
tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
Is-Sibt
tat-Tielet Ġimgħa
tal-Għid