It-Tlieta
tal-Ottava tal-Għid
Glorja `l Alla fil-għoli
tas-smewwiet, u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba.
Infaħħruk,
inberkuk,
nadurawk,
nagħtuk ġieh.
Inroddulek ħajr
għall-glorja kbira tiegħek. Mulej Alla, Sultan
tas-sema,
Alla Missier li tista’ kollox.
Mulej Iben waħdieni, Ġesù Kristu,
Mulej Alla, Ħaruf ta’ Alla, Bin il-Missier.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ħenn għalina.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ilqa’ t-talb tagħna.
Int li qiegħed fuq il-lemin tal-Missier, ħenn għalina. Għaliex Int waħdek Qaddis, Int waħdek Mulej,
Int waħdek il-għoli,
Ġesu’ Kristu, ma’ l-Ispirtu
s-Santu:
fil-glorja tal-Missier Alla.
Ammen.
It-Tlieta
tal-Ottava tal-Għid
Qari mill-Ktieb
tal-Atti tal-Appostli
Atti 2, 36-41
Nhar Għid il-Ħamsin, Pietru qal lin-nies
tal-Lhudija:
“Ħa jkun jaf fiż-żgur
il-poplu kollu ta’ Iżrael li
lil dan Ġesù, li intom sallabtuh, Alla għamlu Mulej u Messija”.
Dan il-kliem li semgħu laqtilhom qalbhom, u qalu
lil Pietru u lill-appostli
l-oħra:
“L-aħwa, x’għandna nagħmlu aħna?”.
U Pietru weġibhom:
“Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom
fl-isem ta’ Ġesù Kristu għall-maħfra ta’ dnubietkom;
u intom tirċievu d-don
tal-Ispirtu s-Santu. Għax
il-wegħda qiegħda għalikom u għal uliedkom u għal dawk kollha li huma fil-bogħod,
dawk kollha li l-Mulej Alla tagħna sejħilhom”.
U b’ħafna kliem ieħor tahom xhieda u wissiehom billi qalilhom:
“Salvaw lilkom infuskom minn dan in-nisel ħażin”.
Għalhekk dawk li laqgħu kliemu tgħammdu u dakinhar ingħaqdu
mad-dixxipli madwar tlitt elef ruħ.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Bit-tieba tal-Mulej mimlija l-art
Salm Responsorjali
Sewwa hi l-kelma
tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u
s-sewwa;
bit-tieba tal-Mulej mimlija l-art.
R:/ Bit-tieba tal-Mulej mimlija l-art
Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw
fit-tieba tiegħu,
Biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ.
R:/ Bit-tieba tal-Mulej mimlija l-art
Ruħna tixxennaq
għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna.
R:/ Bit-tieba tal-Mulej mimlija l-art
Hallelujah, Hallelujah
Dan hu l-jum li għamel
il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih!
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Ġwann
Ġw 20, 11-18
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Marija baqgħet ’il barra mill-qabar, tibki. Kif kienet qiegħda tibki, tbaxxiet lejn il-qabar,
u rat żewġ anġli lebsin
l-abjad, bilqiegħda, wieħed in-naħa tar-ras u l-ieħor
in-naħa tar-riġlejn fejn kienu qiegħdu l-ġisem ta’ Ġesù.
Huma qalulha:
“Mara, għalfejn qiegħda tibki?”.
Hi wieġbet:
“Għax ħadu lil Sidi, u ma nafux fejn qegħduh”.
Kif qalet hekk, daret lura u rat lil Ġesù wieqaf, iżda ma ntebħitx li kien Ġesù.
Ġesù qalilha:
“Mara, għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex?”.
Hi ħasbet li kien il-ġardinar, u qaltlu:
“Sinjur, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u jiena nġibu lura”.
Ġesù sejħilha:
“Marjam!”
Hi daret u qaltlu bil-Lhudi:
“Rabbuni!”
jiġifieri Mgħallem.
Ġesù qalilha:
“La tmissnix, għax għadni ma tlajtx għand il-Missier;
imma mur għand ħuti u għidilhom li se nitla’ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom”.
Marija ta’ Magdala marret għand id-dixxipli u tathom l-aħbar:
“Rajt lill-Mulej!”
u qaltilhom x’qalilha.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
It-Tlieta
tal-Ottava tal-Għid