Festa tal-Familja Mqaddsa
ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi
Sena A
Glorja `l Alla fil-għoli
tas-smewwiet, u paċi fl-art
lill-bnedmin ta’ rieda tajba.
Infaħħruk, inberkuk, nadurawk, nagħtuk ġieh. Inroddulek ħajr għall-glorja kbira tiegħek.
Mulej Alla,
Sultan tas-sema,
Alla Missier li tista’ kollox. Mulej Iben waħdieni,
Ġesù Kristu,
Mulej Alla, Ħaruf ta’ Alla,
Bin il-Missier.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ħenn għalina.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ilqa’ t-talb tagħna. Int li qiegħed fuq il-lemin
tal-Missier, ħenn għalina. Għaliex Int waħdek Qaddis,
Int waħdek Mulej,
Int waħdek il-għoli,
Ġesù Kristu,
ma’ l-Ispirtu s-Santu:
fil-glorja tal-Missier Alla. Ammen.
Festa tal-Familja Mqaddsa
ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi
Sena A
Qari I
Min jibża’ mill-Mulej iweġġaħ lill-ġenituri tiegħu.
Qari mill-Ktieb
ta’ Bin Sirak. 3, 2-6. 12-14
Il-Mulej
għolla l-missier fuq it-tfal,
u saħħaħ dritt l-omm
fuq l-ulied.
Min jibża’
minn missieru
jagħmel tajjeb
għal dnubietu,
u min iweġġaħ
lil ommu qisu
qed jiġma’ f’teżor.
Min jibża’
minn missieru
jifraħ b’uliedu,
u meta jitlob jinstama’.
Min iweġġaħ
lil missieru
jkollu għomor twil,
u min iserraħ
lil ommu
jkun qed jisma’
mill-Mulej.
Ibni,
ieqaf ma’ missierek
fi xjuħitu,
u matul ħajtu tweġġagħlux qalbu.
Ukoll
jekk moħħu jeħfief, agħdru,
u tonqsux mill-ġieħ
meta għadek f’saħħtek,
għax il-ħniena
ma’ missierek
ma tintesiex,
imma tingħaddlek bi ħlas għal dnubietek.
Il-Kelma tal-Mulej
℟ Irroddu ħajr lill Alla
Salm Responsorjali
Salm127 (128), 1-2.3.4-5
℟. Hieni kull min
jibża’ mill-Mulej.
Hieni kull min jibża’
mill-Mulej,
kull min jimxi
fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ idejk
inti tiekol;
hieni int,
u riżqek tajjeb!
℟. Hieni kull min
jibża’ mill-Mulej.
Martek tkun
bħal dielja għammiela
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal
xitel taż-żebbuġ
madwar il-mejda tiegħek.
℟. Hieni kull min
jibża’ mill-Mulej.
Ara, kif ikun imbierek
il-bniedem li jibża’
mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej
minn Sijon!
Jalla tara l-ġid
ta’ Ġerusalemm
tul ħajtek kollha!
℟. Hieni kull min
jibża’ mill-Mulej.
Qari II
Kif għandha tkun il-ħajja tad-dar fil-Mulej
Qari mill-Ittra
ta’ San Pawl Appostlu
lill-Kolossin. 3, 12-21
Ħuti,
intom il-magħżulin
ta’ Alla,
il-qaddisin
u l-maħbubin tiegħu.
Ilbsu mela
sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà,
ħlewwa u sabar.
Stabru b’xulxin,
u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid
ma’ ħaddieħor,
aħfru lil xulxin;
bħalma l-Mulej
ħafer lilkom,
hekk agħmlu intom ukoll.
U fuq kollox
ilbsu l-imħabba,
li hi l-qofol
tal-perfezzjoni.
Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom,
dak is-sliem
li għalih kontu msejħa biex issiru ġisem wieħed.
U ta’ dan
roddu ħajr lil Alla.
Ħalli l-kelma ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom; għallmu bl-għerf kollu
u widdbu lil xulxin
b’salmi u innijiet
u b’għana spiritwali,
u b’radd il-ħajr kantaw f’qalbkom innijiet lil Alla.
Kull ma tagħmlu
jew tgħidu,
agħmlu kollox
f’isem il-Mulej Ġesù,
u roddu ħajr
lil Alla l-Missier
permezz tiegħu.
Intom, nisa miżżewġa, obdu lil żwieġkom,
kif għandu jkun fil-Mulej.
Intom imbagħad,
irġiel miżżewġa,
ħobbu n-nisa tagħkom,
u tkunux iebsa magħhom.
Intom, tfal, isimgħu
mill-ġenituri tagħkom f’kollox,
għax dan hu
li jogħġob lill-Mulej.
Intom missirijiet,
la ddejqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom.
Il-Kelma tal-Mulej
℟ Irroddu ħajr lill Alla
Hallelujah
Hallelujah
Kol 3, 15a.16a��
Ħalli s-sliem ta’ Kristu
jsaltan fi qlubkom;
ħalli l-kelma ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom.
Hallelujah
Hallelujah
Evanġelju
Ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u aħrab lejn l-Eġittu.
✠ Qari mill-Evanġelju
skont San Mattew. 2, 13-15.19-23
Meta telqu l-Maġi,
deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi
u qallu:
«Qum,
ħu miegħek lit-tifel
u lil ommu,
u aħrab lejn l-Eġittu.
«Ibqa’ hemm
sa ma ngħidlek jien,
għax Erodi se jfittex
lit-tifel biex joqtlu.»
Ġużeppi qam,
ħa miegħu lit-tifel
u lil ommu bil-lejl
u telaq lejn l-Eġittu,
u baqa’ hemmhekk
sal-mewt ta’ Erodi,
biex hekk iseħħ
dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta,
meta qal:
«Mill-Eġittu
sejjaħt lil ibni.»
Meta miet Erodi,
deher l-anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi
fl-Eġittu u qallu:
«Qum
ħu miegħek lit-tifel
u lil ommu,
u erġa’ lura
lejn l-art ta’ Iżrael,
«għax mietu
dawk li kienu jfittxu
l-ħajja tat-tifel.»
Ġużeppi qam,
ħa miegħu lit-tifel
u lil ommu,
u mar fl-art ta’ Iżrael.
Imma billi sama’ li
fil-Lhudija kien qiegħed isaltan Arkelaws
flok Erodi missieru,
baża’ jmur hemm.
Fuq twissija
li kellu fil-ħolm,
telaq lejn l-inħawi
tal-Galilija,
u mar joqgħod
f’belt jisimha Nażaret,
biex hekk iseħħ
dak li kien ingħad permezz tal-profeti,
«Ikun jissejjaħ Nażri.»
Il-Kelma tal-Mulej
℟ Tifħir lilek Kristu
Festa tal-Familja Mqaddsa
ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi
Sena A
Jiena nemmen f’Alla wieħed,
il-Missier li jista’ kollox,
li ħalaq is-sema u
l-art, dak kollu li jidher
u dak li ma jidhirx.
U f’Mulej wieħed Ġesù Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla,
imnissel mill-Missier
qabel kull żmien.
Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul, natura waħda mal-Missier
u bih sar kollox.
Niżel mis-smewwiet għalina
l-bnedmin u għall-fidwa
tagħna. U ħa l-ġisem
bis-setgħa tal-Ispirtu
s-Santu minn Marija Verġni
u sar bniedem. Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh,
u fit-tielet jum qam
minn bejn l-imwiet, skont
il-Kotba mqaddsa,
u tela’ s-sema, u qieghed fuq
il-lemin tal-Missier.
U għandu jerġa jiġi
bil-glorja biex jagħmel ħaqq
mill-ħajjin u mill-mejtin, u
s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem. U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja li ġej mill-Missier u mill-Iben:
li Hu meqjum u mweġġah flimkien mal-Missier u
mal-Iben. Hu li tkellem b’fomm il-profeti.
U fi Knisja waħda,
qaddisa, kattolika,appostolika.
Nistqarr magħmudija waħda
għall-maħfra tad-dnubiet.
U nistenna l-qawma
mill-imwiet, u l-ħajja
taż-żmien li ġej.
Ammen.
Festa tal-Familja Mqaddsa
ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi
Sena A