Qari mill-Ewwel Ktieb
tas-Slaten
1 Slaten 19, 9a.11-16
F’dak iż-żmien, Elija wasal fil-Ħoreb, il-muntanja ta’ Alla. Hemmhekk daħal
fl-għar u għadda l-lejl ġo fih. U Alla qallu:
“Oħroġ, u oqgħod fuq
il-muntanja quddiem
il-Mulej”.
U hemm hu, jgħaddi
l-Mulej; riħ qawwi, b’saħħa
li jofroq il-muntanji u jfarrak il-blat, għadda quddiem
il-Mulej;
imma l-Mulej ma kienx f’dan ir-riħ. U wara dan
ir-riħ theżżet l-art imma
l-Mulej ma kienx f’din
it-theżżiża.
U wara t-theżżiża kien hemm in-nar, imma l-Mulej ma kienx fin-nar. Wara n-nar inħasset żiffa ħelwa.
Elija, kif ħassha, għatta wiċċu bil-mantell, ħareġ barra, u waqaf f’bieb l-għar. U fil-ħin jisma’ leħen jgħidlu:
“X’inti tagħmel hawn, Elija?”.
U hu wieġeb:
“Għandi qalbi tħeġġeġ
għall-aħħar għall-Mulej, Alla tal-eżerċti, għaliex ulied Iżrael ħallew il-patt tiegħek,
farrku l-altari tiegħek, u
’l-profeti tiegħek qatluhom bix-xabla. Jien waħdi bqajt, u qegħdin ifittxu jneħħuli ħajti”.
Il-Mulej qal lil Elija:
“Itlaq u erġa’ aqbad triqtek
lejn id-deżert ta’ Damasku. U malli tasal, idlek lil Ħażael bħala sultan ta’ Aram;
hekk ukoll lil Ġeħu bin Nimsi, idilku sultan ta’Iżrael; u lil Eliżew bin Safat, ta’ Abel-meħola, idilku profeta flokok”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Jien wiċċek infittex, Mulej
Salm Responsorjali
Isma’, Mulej, leħen l-għajta tiegħi,
ħenn għalija u weġibni.
“Ejja!” għedt f’qalbi: “fittex ’il wiċċu”.
R:/ Jien wiċċek infittex, Mulej
Jien wiċċek infittex, Mulej.
La taħbix wiċċek minni,
la twarrabx bl-herra
l-qaddej tiegħek.
Inti l-għajnuna tiegħi.
R:/ Jien wiċċek infittex, Mulej
Nemmen li għad nara
t-tieba tal-Mulej
f’art il-ħajjin.
Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek;
ittama fil-Mulej.
R:/ Jien wiċċek infittex, Mulej
Hallelujah, Hallelujah
Iddu fid-dinja bħal kwiekeb,
u żommu sħiħ il-kelma
tal-ħajja.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 5, 27-32
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:
“Smajtu xi ntqal: ‘La tagħmilx adulterju’.
Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.
Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra u armiha
’l bogħod minnek,
għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet fl-infern.
U jekk idek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha
’l bogħod minnek,
għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern.
Intqal ukoll: ‘Min jibgħat lil martu jkollu jagħtiha
l-kitba tad-divorzju’.
Imma jiena ngħidilkom li kull min jibgħat lil martu barra l-każ ta’ żwieġ ħażin, iwaqqagħha fl-adulterju;
u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor jagħmel adulterju”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu