Glorja `l Alla fil-għoli
tas-smewwiet, u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba.
Infaħħruk,
inberkuk,
nadurawk,
nagħtuk ġieh.
Inroddulek ħajr
għall-glorja kbira tiegħek. Mulej Alla, Sultan
tas-sema,
Alla Missier li tista’ kollox.
Mulej Iben waħdieni, Ġesù Kristu,
Mulej Alla, Ħaruf ta’ Alla, Bin il-Missier.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ħenn għalina.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ilqa’ t-talb tagħna.
Int li qiegħed fuq il-lemin tal-Missier, ħenn għalina. Għaliex Int waħdek Qaddis, Int waħdek Mulej,
Int waħdek il-għoli,
Ġesu’ Kristu, ma’ l-Ispirtu
s-Santu:
fil-glorja tal-Missier Alla.
Ammen.
Qari mill-Ktieb ta’
Bin Sirak
Sir 27, 30 – 28, 7
Għadab u qilla, dawn ukoll ta’ min jistmerrhom,
u l-bniedem midneb mimli bihom.
Min ifittex jitħallas b’idejh,
isib ħlasu mingħand
il-Mulej, li jifli sewwa dnubietu.
Aħfer il-proxxmu dnubietu, u mbagħad titlob u dnubietek jinħafrulek.
Bniedem irawwem għadab għal ieħor, u mbagħad se jfittex fejqan mingħand
il-Mulej?
Minn bniedem bħalu m’għandux ħniena,
u mbagħad se jitlob għal dnubietu?
Jekk bniedem jibqa’ mgħaddab, min se jpattilu għal dnubietu?
Ftakar fl-aħħar ta’ ħajtek, u ieqaf mill-mibegħda;
ftakar fit-taħsir u l-mewt,
u oqgħod
għall-kmandamenti.
Ftakar fil-kmandamenti u tobgħodx il-proxxmu;
ftakar fil-patt tal-Għoli u agħlaq għajnejk
għall-offiża.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Ħanin u twajjeb
il-Mulej
Salm Responsorjali
Bierek, ruħ tiegħi,
il-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek
l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi,
il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.
R:/ Ħanin u twajjeb
il-Mulej
Hu jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tjieba u
l-ħniena.
R:/ Ħanin u twajjeb
il-Mulej
Ma joqgħodx jitlewwem magħna,
u anqas jinkorla għal dejjem.
Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna;
ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna.
R:/ Ħanin u twajjeb
il-Mulej
Daqskemm huma
s-smewwiet ’il fuq mill-art,
hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu;
daqs kemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,
hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.
R:/ Ħanin u twajjeb
il-Mulej
Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu
lir-Rumani
Rum 14, 7-9
Ħuti, ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu.
Jekk ngħixu, ngħixu
għall-Mulej;
jekk immutu, immutu għall-Mulej. Sew jekk ngħixu, mela, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej.
Kristu għalhekk miet u rxoxta, biex ikun Sid kemm tal-ħajjin u kemm
tal-mejtin.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
Hallelujah, Hallelujah
Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej;
li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 18, 21-35
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Pietru resaq lejn Ġesù u qallu:
“Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”.
Wieġbu Ġesù:
“Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba.
Għalhekk is-Saltna
tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan,
li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu.
Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed
li kellu jagħtih għaxart
elef talent.
Billi ma kellux minn fejn irroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu
u kull ma kellu,
ħalli b’hekk jitħallas
id-dejn.
Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu:
‘Sinjur, stabar ftit bija, kollox irroddlok’.
Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.
Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu.
‘Ħallas dejnek,’ qallu.
Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu
bil-ħniena u jgħidlu:
‘Stabar ftit bija u rroddlok’.
Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kull ma kellu jagħtih.
Sħabu l-qaddejja raw
il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kull ma kien ġara.
Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu:
‘Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni
bil-ħniena,
ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?’.
U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma kellu jagħti.
Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu
fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
Jiena nemmen f’Alla wieħed, il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u
l-art, dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx.
U f’Mulej wieħed Ġesù Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla,
imnissel mill-Missier
qabel kull żmien.
Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul, natura waħda mal-Missier u bih sar kollox.
Niżel mis-smewwiet għalina
l-bnedmin u għall-fidwa
tagħna.
U ħa l-ġisem
bis-setgħa tal-Ispirtu
s-Santu minn Marija Verġni u sar bniedem.
Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh, u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet, skont
il-Kotba mqaddsa,
u tela’ s-sema, u qieghed fuq
il-lemin tal-Missier.
U għandu jerġa jiġi
bil-glorja biex jagħmel ħaqq
mill-ħajjin u mill-mejtin, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.
U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja li ġej
mill-Missier u mill-Iben:
li Hu meqjum u mweġġah flimkien mal-Missier u
mal-Iben. Hu li tkellem b’fomm il-profeti.
U fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika, appostolika.
Nistqarr magħmudija waħda
għall-maħfra tad-dnubiet.
U nistenna l-qawma
mill-imwiet, u l-ħajja
taż-żmien li ġej.
Ammen.