Glorja `l Alla fil-għoli
tas-smewwiet, u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba.
Infaħħruk,
inberkuk,
nadurawk,
nagħtuk ġieh.
Inroddulek ħajr
għall-glorja kbira tiegħek. Mulej Alla, Sultan
tas-sema,
Alla Missier li tista’ kollox.
Mulej Iben waħdieni, Ġesù Kristu,
Mulej Alla, Ħaruf ta’ Alla, Bin il-Missier.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ħenn għalina.
Int li tneħħi d-dnubiet
tad-dinja, ilqa’ t-talb tagħna.
Int li qiegħed fuq il-lemin tal-Missier, ħenn għalina. Għaliex Int waħdek Qaddis, Int waħdek Mulej,
Int waħdek il-għoli,
Ġesu’ Kristu, ma’ l-Ispirtu
s-Santu:
fil-glorja tal-Missier Alla.
Ammen.
Qari mill-Ktieb
tas-Slaten
1 Slat 3, 5.7-12
F’dak iż-żmien f’Gibgħon il-Mulej deher lil Salamun fil-ħolm bil-lejl.
“Itlobni x’nagħtik”,
qallu Alla.
U wieġbu Salamun:
“Mulej, Alla tiegħi, lili, qaddej tiegħek, għadek kemm qegħedtni sultan flok David missieri.
Iżda jiena għadni daqsxejn ta’ żagħżugħ, bla ma naf mnejn għandi ngħaddi.
Il-qaddej tiegħek sab ruħu f’nofs dan il-poplu li int għażilt, poplu hekk kotran li ħadd ma jista’ jgħoddu jew iqisu.
Agħti, għalhekk,
lill-qaddej tiegħek moħħ ħafif biex jifhem, biex jista’ jmexxi l-poplu tiegħek, u jagħraf it-tajjeb mill-ħażin;
għax inkella min jasal biex imexxih, dan il-poplu tiegħek ta’ kotra hekk kbira?”.
Il-Mulej ħa gost li Salamun talab dil-ħaġa. Għalhekk qallu Alla:
“Ladarba tlabt din
il-ħaġa, u ma tlabtnix għomor twil, jew għana, jew il-ħajja
tal-għedewwa tiegħek –
iva, talli tlabt li tagħraf tifhem kif għandek tmexxi – hawn jien se nagħmel kif għedt int.
Qed nagħtik moħħ għaref u għaqli, hekk li ħadd qablek ma kien hawn bħalek, u anqas warajk ma jkun hawn”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Kemm inħobbha l-liġi tiegħek, Mulej
Salm Responsorjali
Mulej, dan hu sehmi,
li nħares il-kelma tiegħek.
Aħjar għalija l-liġi ta’ fommok
mill-eluf ta’ flejjes
tad-deheb u l-fidda.
R:/ Kemm inħobbha l-liġi tiegħek, Mulej
Tkun it-tjieba tiegħek
il-faraġ tiegħi,
skond il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek.
Tiġi fuqi tjubitek, biex ikolli l-ħajja;
għax il-liġi tiegħek hi
l-għaxqa tiegħi.
R:/ Kemm inħobbha l-liġi tiegħek, Mulej
Għalhekk inħobb
il-kmandamenti tiegħek,
aktar mid-deheb,
mid-deheb l-aktar fin.
Għalhekk jien nimxi dritt fuq il-preċetti tiegħek,
u nobgħod kull triq qarrieqa.
R:/ Kemm inħobbha l-liġi tiegħek, Mulej
Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu
lir-Rumani
Rum 8, 28-30
Ħuti, aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skond
il-providenza tiegħu,
f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom.
Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu,
ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun
il-kbir fost ħafna aħwa;
lil dawk li ppredestinahom, sejħilhom ukoll; lil dawk li sejħilhom, iġġustifikahom ukoll;
lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, igglorifikahom ukoll.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
Hallelujah, Hallelujah
Infaħħrek, Missier, Sid
is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-saltna wrejthom
liċ-ċkejknin.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 13, 44-52
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:
“Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih,
u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik
l-għalqa.
Tixbah ukoll is-Saltna
tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin;
meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha.
Tixbah ukoll is-Saltna
tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox.
Meta timtela jtellgħuha
x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru
fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin.
Hekk jiġri fi tmiem
id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti,
u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.
Kollu fhimtuh dan?”
“Iva”,
qalulu. U hu qalilhom:
“Għalhekk kull kittieb li jkun sar dixxiplu
tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li,
mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew
il-qadim”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
Jiena nemmen f’Alla wieħed, il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u
l-art, dak kollu li jidher u dak li ma jidhirx.
U f’Mulej wieħed Ġesù Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla,
imnissel mill-Missier
qabel kull żmien.
Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul, natura waħda mal-Missier u bih sar kollox.
Niżel mis-smewwiet għalina
l-bnedmin u għall-fidwa
tagħna.
U ħa l-ġisem
bis-setgħa tal-Ispirtu
s-Santu minn Marija Verġni u sar bniedem.
Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh, u fit-tielet jum qam minn bejn l-imwiet, skont
il-Kotba mqaddsa,
u tela’ s-sema, u qieghed fuq
il-lemin tal-Missier.
U għandu jerġa jiġi
bil-glorja biex jagħmel ħaqq
mill-ħajjin u mill-mejtin, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem.
U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja li ġej
mill-Missier u mill-Iben:
li Hu meqjum u mweġġah flimkien mal-Missier u
mal-Iben. Hu li tkellem b’fomm il-profeti.
U fi Knisja waħda, qaddisa, kattolika, appostolika.
Nistqarr magħmudija waħda
għall-maħfra tad-dnubiet.
U nistenna l-qawma
mill-imwiet, u l-ħajja
taż-żmien li ġej.
Ammen.