Qari mill-Ittra ta’
San Pawl Appostlu
lill-Galatin�Gal 1, 6-12
Ħuti, jiena nistagħġeb bikom kif daqshekk malajr tbegħedtu minn min sejjħilkom
fil-grazzja ta’ Kristu u dortu lejn Evanġelju ieħor;
mhux għax hemm xi Evanġelju ieħor, imma hemm xi wħud li qegħdin iħawwdukom u jridu jaqilbu l-Evanġelju ta’ Kristu.
Imma mqar jekk aħna stess jew anġlu mis-sema jħabbrilkom Evanġelju ieħor li mhuwiex dak li ħabbarnielkom aħna,
ikun misħut!
Bħalma ġa għednielkom, u ntenni ngħidilkom issa;
jekk xi ħadd iħabbrilkom ħaġa oħra għajr dak li ġa rċevejtu, ikun misħut!
Forsi jien qed infittex li jkunu jġibuni l-bnedmin, jew qed infittex li jkun iġibni Alla?
Qiegħed jiena nfittex li nogħġob lill-bnedmin?
Li kont għadni nfittex li nogħġob lill-bnedmin, ma kontx inkun qaddej ta’ Kristu!
Dan ngħarrafkom, ħuti:
l-Evanġelju li ħabbartilkom jien mhuwiex Evanġelju
tal-bnedmin.
Għaliex jiena mhux mingħand bniedem irċevejtu jew tgħallimtu, imma kien irrivelat lili minn
Ġesù Kristu.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R./ Il-Mulej jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu
Salm Responsorjali
Irrodd ħajr lill-Mulej b’qalbi kollha,
fil-laqgħa tat-tajbin flimkien miġbura.
Kbar huma l-għemejjel
tal-Mulej;
ifittxuhom dawk kollha li jitgħaxxqu bihom.
R./ Il-Mulej jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu
Is-sewwa u l-ħaqq għemil idejh;
ta’ min joqgħod fuqhom
il-preċetti tiegħu,
imwettqa għal dejjem ta’ dejjem,
magħmula bis-sewwa u
bid-dritt.
R./ Il-Mulej jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu
Bagħat jifdi lill-poplu tiegħu,
waqqaf għal dejjem
il-patt tiegħu.
Qaddis u tal-biża’ hu ismu!
Għal dejjem jibqa’ t-tifħir tiegħu!
R./ Il-Mulej jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu
Hallelujah, Hallelujah
Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej:
bħalma ħabbejtkom jien,
hekk ukoll ħobbu
intom lil xulxin.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Luqa
Lq 10, 25-37
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, iqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrb lil Ġesù, staqsieh:
“Mgħallem, x’nagħmel
biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”
Qallu Ġesù:
“Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?”
U dak wieġeb:
“Int għandek tħobb
il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek
kollha, u b’moħħok kollu,
u lill-proxxmu tiegħek
bħalek innifsek.”
Qallu Ġesù,
“Sewwa weġibt, agħmel hekk u tgħix.”
Iżda dak, biex juri li kellu
raġun, qal lil Ġesù:
“U l-proxxmu tiegħi
min hu?”
U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu:
“Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin;
dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet.
Inzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah,
għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer.
Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah,
għadda minn mal-ġenb
u baqa’ sejjer.
Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru.
Resaq lejh, dewwielu
l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu,
u mbagħad tellgħu fuq
il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu.
L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu,
‘Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, inroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi.’
Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu
ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”
“Min ħenn għalih,”
wieġbu dak. Qallu Ġesù,
“Mur, u agħmel hekk
int ukoll.”
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu