Il-Velja fil-Lejl Qaddis tal-Għid
Qari I
Alla ħares lejn kull ma għamel u ra li kollox kien sew ħafna.
�
Qari mill-Ktieb
tal-Ġenesi. Ġen 1, 1 - 2, 2
Fil-bidu Alla ħalaq
is-sema u l-art:
u kienet l-art
taħwid u baħħ;
u d-dlam kien fuq
wiċċ l-abbissi
u fuq wiċċ l-ibħra kien jittajjar l-ispirtu ta’ Alla.
U qal Alla:
«Ħa jkun id-dawl.»
U d-dawl sar.
U ra Alla
d-dawl li kien tajjeb.
U Alla fired
id-dawl mid-dlam.
U d-dawl Alla
semmieh jum,
u d-dlam sejjaħlu lejl.
U dalam u sebaħ
- L-ewwel jum.
U qal Alla:
«Ħa jkun hemm
medda f’nofs l-ilmijiet
u tifred ilma minn ilma.»
U Alla għamel il-medda
u fired l-ilma
ta’ taħt il-medda
mill-ilma ta’ fuq il-medda. U hekk sar.
U l-medda Alla
semmieha sema.
U dalam u sebaħ
- It-tieni jum.
U qal Alla:
«Ħa jinġemgħu
naħa waħda l-ilmijiet
ta’ taħt is-sema
u jidher l-inxif.»
U hekk sar.
U sejjaħ Alla l-inxif art;
u l-ġemgħa tal-ilma
sejħilha baħar.
U Alla ra li kollox kien tajjeb.
U qal Alla:
«Ħa tnibbet l-art il-ħaxix,
ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa,
siġar li jagħmlu l-frott
biż-żerriegħa ġo fih skont għamliethom, fuq l-art.»
U hekk sar.
U nibbtet l-art il-ħaxix,
ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa
skont għamlietu
u siġar jagħmlu l-frott
biż-żerriegħa
Skont għamlietu;
u ra Alla li kien tajjeb.
U dalam u sebaħ
- It-tielet jum.
U qal Alla:
«Ħa jkun hemm imnariet
fil-firxa tas-sema
biex jifirdu l-jum mil-lejl,
u jkunu sinjali
għat-tqassim taż-żminijiet,
tal-jiem u tas-snin.
U jkun hemm imnariet
fil-firxa tas-sema
biex idawlu l-art.»
U hekk sar.
U għamel Alla
ż-żewġ imnariet il-kbar;
l-imnara l-kbira
biex trieġi l-jum,
u l-imnara ż-żgħira
biex trieġi l-lejl,
u l-kwiekeb.
U Alla qegħedhom
fil-firxa tas-sema
biex jiddu fuq l-art,
u jrieġu l-jum u l-lejl
u jifirdu d-dawl mid-dlam.
U Alla ra li kien tajjeb.
U dalam u sebaħ
- Ir-raba’ jum.
U qal Alla:
«Jiżgħed l-ilma
b’kotra ta’ ħlejjaq ħajjin
u jittajru t-tjur fuq l-art
fil-wesgħa tas-smewwiet.»
U Alla ħalaq il-ħut il-kbir
u l-annimali kollha
li jitkaxkru,
li bihom miżgħud l-ilma,
skont ġenshom,
u t-tajr bil-ġwienaħ
skont ġenshom.
U ra Alla li kien tajjeb.
U berikhom Alla u qalilhom: «Welldu u oktru,
u imlew l-ilma tal-ibħra;
u joktor it-tajr fuq l-art.»
U dalam u sebaħ
- Il-ħames jum.
U qal Alla:
«Ħa tnissel l-art
ħlejjaq ħajja
skont ġenshom:
bhejjem tad-dar,
annimali li jitkaxkru,
u bhejjem selvaġġi,
skont ġenshom.»
U hekk sar.
U għamel Alla
l-bhejjem selvaġġi
skont ġenshom,
u l-bhejjem tad-dar
skont ġenshom,
u l-ħlejjaq kollha
li jitkaxkru fuq l-art
skont ġenshom.
U ra Alla li kien tajjeb.
U qal Alla:
«Ħa nagħmlu l-bniedem
fuq is-sura
u x-xbieha tagħna,
u jaħkmu fuq
il-ħut tal-baħar
u fuq it-tajr tal-ajru,
fuq il-bhejjem tad-dar
u fuq il-bhejjem selvaġġi,
u fuq il-ħlejjaq
li jitkaxkru fuq l-art.»
U Alla ħalaq
il-bniedem fuq xbihietu,
fuq xbihat Alla ħalqu:
raġel u mara ħalaqhom.
U berikhom Alla
u qalilhom:
«Nisslu u oktru,
u imlew l-art, u aħkmuha;
u saltnu fuq il-ħut tal-baħar
u t-tajr tal-ajru
u l-ħlejjaq kollha
li jitkaxkru fuq l-art.»
U qal Alla:
«Araw,
jien tajtkom il-ħaxix kollu,
li jagħmel iż-żerriegħa
fuq wiċċ l-art,
u s-siġar kollha li jagħmlu
l-frott biż-żerriegħa:
dawn kollha jkunu
għall-għajxien tagħkom.
U lill-bhejjem
kollha selvaġġi
u t-tajr kollu tal-ajru
u l-ħlejjaq kollha
li jitkaxkru fl-art
li fihom nifs il-ħajja,
nagħtihom
il-ħaxix kollu aħdar
għall-għajxien tagħhom.»
U hekk sar.
U ħares Alla
lejn kull ma kien għamel,
u, ara,
kollox kien tajjeb ħafna.
U dalam u sebaħ
- Is-sitt jum.
U hekk tlestew
is-sema u l-art
bit-tagħmir kollu tagħhom.
U fis-seba’ jum Alla temm ix-xogħol tiegħu kollu
li kien għamel,
u waqaf fis-seba’ jum
mix-xogħol tiegħu
li kien għamel.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 103 (104), 1-2a.5-6.10.12.13-14.24.35ċ
℟. Ġedded
il-wiċċ tal-art, Mulej.
Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi,
inti kbir bil-bosta!
Bis-sebħ u bil-ġmiel
inti mlibbes,
bid-dawl, bħal b’mantell, inti mkebbeb.
℟. Ġedded
il-wiċċ tal-art, Mulej.
Int waqqaft l-art
fuq is-sisien tagħha,
b’mod li qatt ma titħarrek;
bl-ibħra, bħal b’libsa,
inti ksejtha;
u l-ilmijiet waqfu
fuq qċaċet l-għoljiet.
℟. Ġedded
il-wiċċ tal-art, Mulej.
L-għejun tiftħilhom
għal ġol-widien,
u huma jiġru qalb l-għoljiet.
Ħdejhom jgħammru
l-għasafar tal-ajru,
minn qalb il-friegħi jsemmgħu l-għana tagħhom.
℟. Ġedded
il-wiċċ tal-art, Mulej.
Inti ssaqqi l-muntanji
mill-imħażen għolja tiegħek,
u tixba’ l-art
bil-frott ta’ għemilek.
Inti tnibbet il-ħdura
għall-bhejjem,
u l-ħxejjex li bihom jinqeda
l-bniedem.
℟. Ġedded
il-wiċċ tal-art, Mulej.
Kemm huma kotrana
l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Kollha bl-għerf għamilthom;
mimlija l-art
bil-ħlejjaq tiegħek.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej.
℟. Ġedded
il-wiċċ tal-art, Mulej.
Qari II
Is-sagrifiċċju ta’ missierna Abraham.
Qari mill-Ktieb
tal-Ġenesi Ġen 22,1-18
F’dak iż-żmien, Alla ried iġarrab lil Abraham u qallu: “Abraham!”.
U hu wieġbu: “Hawn jien!”.
U qallu: “Aqbad lil ibnek
il-waħdieni, li inti tħobb,
lil Iżakk; u mur lejn
l-art ta’ Morija,
u hemm offrih b’sagrifiċċju
tal-ħruq fuq waħda
mill-għoljiet li jien se ngħidlek”.
U Abraham bakkar mas-sebħ, xedd il-ħmar tiegħu, ħa tnejn mill-qaddejja tiegħu,
u lil Iżakk.
Qatta’ l-ħatab għas-sagrifiċċju tal-ħruq, u qam, u telaq lejn
il-post li qallu bih Alla.
Fit-tielet jum Abraham
rafa’ għajnejh, u lemaħ
il-post mill-bogħod.
U Abraham qal lill-qaddejja tiegħu: “Oqogħdu hawn
bil-ħmar, u jien u ż-żagħżugħ immorru sa hemm, u nagħtu qima u nerġgħu lura ħdejkom”.
U Abraham qabad il-ħatab għas-sagrifiċċju, għabbieh fuq Iżakk ibnu, ħa f’idejh in-nar
u s-sikkina, u telqu t-tnejn flimkien.
U Iżakk qal lil Abraham missieru: “Missier!”
Dak wieġbu: “Hawn jien, ibni”.
U Iżakk qallu:
“Hawn huma n-nar u l-ħatab, fejn hu l-ħaruf għas-sagrifiċċju tal-ħruq?”.
U Abraham wieġbu:
“Alla jaħseb hu għall-ħaruf għas-sagrifiċċju, ibni”.
U baqgħu sejrin it-tnejn flimkien.
U waslu fil-post li kien semmielu Alla; u hemm Abraham bena l-artal u firex
il-ħatab fuqu,
u rabat lil ibnu Iżakk
u qiegħdu fuq l-artal,
fuq il-ħatab.
U Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu.
U sejjaħlu l-anġlu tal-Mulej mis-smewwiet u qallu: “Abraham, Abraham!”.
U dan wieġbu: “Hawn jien”.
U qallu: “La tmiddx idek fuq
iż-żagħżugħ u tagħmillu
ebda ħsara;
għax issa naf li inti tibża’
minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni”.
U Abraham rafa’ għajnejh,
ta ħarsa madwaru,
u ra muntun warajh maqbud minn qrunu fil-friegħi.
U Abraham mar u qabad
il-muntun, u offrieh b’sagrifiċċju tal-ħruq
minflok ibnu.
U Abraham semma dak il-post: “Jaħweh-jire
– jiġifieri –
il-Mulej jipprovdi”,
kif għadu jingħad sal-lum: “Fuq il-muntanja Jaħweh-jire, il-Mulej jipprovdi”.
U għat-tieni darba l-anġlu
tal-Mulej sejjaħ lil Abraham
mis-smewwiet u qallu:
“Naħlef fuq ruħi –
oraklu tal-Mulej –
la darba int għamilt ħaġa bħal din, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni,
jien inbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel f’xatt il-baħar;
u nislek għad jiret il-bibien
tal-għedewwa tiegħu.
U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art talli smajt minn kelmti”.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 15 (16), 5.8.9-10.11
℟. Ħarisni, o Alla,
għax fik jien nistkenn
Mulej, inti s-sehem tal-wirt
u r-riżq tiegħi,
inti żżomm f’idejk xortija.
Inżomm il-Mulej
dejjem quddiemi,
għax bih f’leminti
qatt ma nitħarrek.
℟. Ħarisni, o Alla,
għax fik jien nistkenn
Hekk tifraħ qalbi
u tithenna ruħi,
u ġismi wkoll
jistrieħ fil-kwiet.
Għax int ma titlaqnix
fl-imwiet,
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.
℟. Ħarisni, o Alla,
għax fik jien nistkenn
Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm l-għaxqa
għal dejjem f’lemintek.
℟. Ħarisni, o Alla,
għax fik jien nistkenn
Qari III
Ulied Iżrael daħlu fl-inxief f’nofs il-baħar.
Qari mill-Ktieb
tal-Eżodu. Eż 14, 15 - 15,1
F’dak iż-żmien,
il-Mulej qal lil Mosè:
«Għax issejjaħ lili?
Għid lil ulied Iżrael
jerfgħu t-tined tagħhom
u jitilqu.
«U int
għolli l-ħatar tiegħek,
u midd idek fuq il-baħar
u oforqu.
«Ulied Iżrael, imbagħad,
jaqsmu fin-niexef
f’nofs il-baħar.
«U ara, jiena nwebbes
il-qalb tal-Eġizzjani
biex jgħaddu warajkom,
u nuri l-glorja tiegħi
«permezz tal-Fargħun
u l-eżerċtu tiegħu kollu,
bil-karrijiet
u r-rikkieba tiegħu.
«U mbagħad
ikunu jafu l-Eġizzjani
li jiena l-Mulej,
meta nuri l-glorja tiegħi
«permezz tal-Fargħun,
bil-karrijiet
u r-rikkieba tiegħu.»
U mbagħad l-anġlu ta’ Alla,
li kien miexi quddiem
it-tined ta’ Iżrael,
telaq u mar warajhom,
u l-kolonna ta’ sħab
minn quddiemhom
marret qagħdet warajhom,
u ġiet bejn
it-tined tal-Eġizzjani
u t-tined ta’ Iżrael.
Kien hemm
is-sħaba u d-dlam,
u għadda l-lejl bla ma
ħadd minnhom seta’
jersaq wieħed lejn l-ieħor.
Mosè medd idu fuq il-baħar,
u l-Mulej reġġa’ lura l-baħar b’riħ qawwi mil-Lvant
matul il-lejl kollu;
il-baħar ixxotta
u l-ilmijiet inferqu.
U mbagħad ulied Iżrael daħlu fin-niexef
f’nofs il-baħar;
l-ilmijiet kienu għalihom qishom ħitan
fuq il-lemin u fuq ix-xellug.
L-Eġizzjani marru warajhom,
u daħlu f’nofs il-baħar,
iż-żwiemel kollha
tal-Fargħun, il-karrijiet
u r-rikkieba tiegħu.
Fis-sahra ta’ filgħodu,
il-Mulej minn ġol-kolonna
tan-nar u s-sħaba xeħet ħarsa fuq it-tined
tal-Eġizzjani, u ħarbathom.
U xekkel ir-roti tagħhom
u bit-tbatija
setgħu jmexxuhom.
U mbagħad l-Eġizzjani
bdew jgħajtu:
«Ħa naħarbu
minn quddiem Iżrael,
għaliex il-Mulej qiegħed jiġġieled kontra l-Eġizzjani!»
Il-Mulej qal lil Mosè:
«Midd idek fuq il-baħar,
u l-ilma jerġa’ lura
fuq l-Eġizzjani,
bil-karrijiet
u r-rikkieba tagħhom.»
U Mosè medd idu
fuq il-baħar.
U ma’ sbiħ il-jum
il-baħar raġa’ lura
fejn kien qabel,
u l-Eġizzjani,
huma u jaħarbu,
sabu ruħhom fih.
Hekk il-Mulej
gerbibhom f’nofs l-ilma.
L-ilmijiet reġgħu lura
u għarrqu l-karrijiet
u r-rikkieba
tal-eżerċtu kollu tal-Fargħun
li kienu ġejjin warajhom
fil-baħar.
Anqas wieħed
ma baqa’ minnhom.
U wlied Iżrael
għaddew fin-niexef
f’nofs il-baħar,
u l-ilmijiet kienu għalihom
bħal ħitan
wieħed fuq il-lemin
u l-ieħor fuq ix-xellug.
Dakinhar il-Mulej salva
lil Iżrael minn id l-Eġizzjani,
u Iżrael ra l-Eġizzjani
mejta fuq xatt il-baħar.
Ra Iżrael
kull ma għamel il-Mulej
lill-Eġizzjani
bil-qawwa ta’ driegħu.
U beża’ l-poplu mill-Mulej,
u emmen fil-Mulej
u f’Mosè, il-qaddej tiegħu.
Imbagħad Mosè,
flimkien ma’ wlied Iżrael, għanna din l-għanja
lill-Mulej, u qalu:
Kantiku
Eż 15, 1-2.3-4.5-6.17-18�
℟. Ngħanni lill-Mulej
għax tkabbar bis-sħiħ.
«Ngħanni lill-Mulej,
għax tkabbar bis-sħiħ.
Żwiemel u rikkieba waddabhom fil-baħar.
«Qawwieti
u għanjieti l-Mulej:
għalija sar is-salvazzjoni.
«Dan hu Alla tiegħi,
u lilu nfaħħar;
Alla ta’ missieri,
u lilu ngħolli!
℟. Ngħanni lill-Mulej
għax tkabbar bis-sħiħ.
«Il-Mulej gwerrier,
Jaħweh ismu!
L-imriekeb tal-Fargħun
u qawwietu
tefagħhom fil-baħar;
«l-aħjar fost
il-gwerriera tiegħu
f’Baħar il-Qasab għarraqhom!
℟. Ngħanni lill-Mulej
għax tkabbar bis-sħiħ.
«Belagħhom l-irdum,
bħal ġebla niżlu fil-qiegħ.
«Lemintek, Mulej,
issebbħet fil-qawwa,
lemintek, Mulej,
tfarrak il-għadu.
℟. Ngħanni lill-Mulej
għax tkabbar bis-sħiħ.
«Lill-poplu tiegħek
int twasslu u tħawlu
fuq il-muntanja,
il-wirt tiegħek,
«l-imkien, Mulej, li int għamiltu għamartek;
il-maqdes, Sidi,
li ħejjew idejk.
«Il-Mulej isaltan
għal dejjem ta’ dejjem.»
℟. Ngħanni lill-Mulej
għax tkabbar bis-sħiħ.
Qari IV
Bi mħabba ta’ dejjem ħenn għalik il-Mulej.
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Isaija. Is 54, 5-14
L-għarus tiegħek
il-Ħallieq tiegħek,
Jaħweh tal-eżerċti jismu;
il-feddej tiegħek,
il-Qaddis ta’ Iżrael,
Alla tal-art kollha jissejjaħ.
Iva, bħal mara mitluqa u mdejqa f’qalbha
sejjaħlek il-Mulej,
bħal mara mitluqa f’żgħożitha,
jgħid il-Mulej Alla tiegħek.
Għal ftit jien tlaqtek;
imma bi mħabba bla qjies jien nerġa’ niġbrok.
Fis-saħna tal-korla ħbejt wiċċi għal ftit minnek;
bi mħabba ta’ dejjem
inħenn għalik,
jgħid il-Mulej,
il-Feddej tiegħek.
Dan għalija bħal fi żmien Noè,
meta ħlift li l-ilma ma jerġax jgħarraq l-art.
Hekk naħlef issa
li ma nisħonx aktar għalik,
u lanqas ma nċanfrek.
Jistgħu jitħarrku l-muntanji,
jitheżżu l-għoljiet,
imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx,
u s-sliem tal-patt tiegħi
ma jitheżżiżx,
jgħid il-Mulej li jħenn għalik.
Magħkusa, imħabbta
mill-irwiefen, mara bla faraġ!
Jien inqiegħed il-ġebel
tiegħek fl-ifjen tajn;
u l-pedamenti tiegħek
biż-żaffir.
Nagħmel l-amberżuni
ta’ swarek tar-rubini,
u bwiebek tal-karbunkli,
u d-dawra tas-swar
tal-ħaġar prezzjuż.
Uliedek ilkoll ikunu
mgħallma mill-Mulej,
kbir għad ikun ġid uliedek.
Fuq sies il-ġustizzja titwaqqaf,
’il bogħod mit-tagħkis,
għax ma għandekx
mniex tibża’;
u ’l bogħod mit-twerwir
għax ma jersaqx lejk.
Jekk jaħbtu għalik,
ma jkunx minni;
min jaħbat għalik,
jaqa’ quddiemek.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 29 (30), 2.4.5-6.11.12a.13b�
℟. Ngħollik, Mulej,
għax erfajtni
Ngħollik, Mulej,
għax erfajtni,
u ma ferraħtx
l-għedewwa tiegħi bija.
Mulej, tellajtli mill-mewt
lil ruħi,
ħlistni minn fost dawk
li jinżlu fil-ħofra.
℟. Ngħollik, Mulej,
għax erfajtni
Għannu lill-Mulej,
ħbieb tiegħu,
faħħru l-isem
imqaddes tiegħu.
Għax ftit iddum
is-saħna tiegħu,
iżda għomor sħiħ
l-imħabba tiegħu.
Filgħaxija jidħol il-biki,
filgħodu jidwi
l-għajjat ta’ ferħ.
℟. Ngħollik, Mulej,
għax erfajtni
Ismagħni, Mulej,
u ħenn għalija;
kun, Mulej,
l-għajnuna tiegħi.
Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi,
Mulej, Alla tiegħi,
infaħħrek għal dejjem!
℟. Ngħollik, Mulej,
għax erfajtni
Qari V
Ersqu lejja, isimgħu u tieħdu r-ruħ.
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Isaija. Is 55, 1-11
Dan jgħid il-Mulej:
«Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma;
intom ukoll
li m’għandkomx flus.
«Ejjew,
ixtru u kulu b’xejn,
inbid u ħalib bla ħlas.
«Għaliex taħlu fluskom
f’dak li mhuwiex ħobż,
u ġidkom f’dak
li ma jxebbax?
«Isimgħu minni,
u tieklu tajjeb,
u ruħkom titpaxxa
b’ikel bnin.
«Agħtuni widen
u ersqu lejja,
isimgħu u tieħdu r-ruħ.
«Nagħmel patt magħkom għal dejjem,
biex iseħħu l-favuri mwiegħda lil David.
«Ara, jien qegħedtu xhud fost il-ġnus,
prinċep u leġiżlatur
fuq il-popli.
«Int ġens
li ma tafx bih issejjaħ;
ġnus li ma jafukx jiġru lejk,
«minħabba fil-Mulej,
Alla tiegħek,
il-Qaddis ta’ Iżrael,
għax lilek żejjen bil-ġieħ.
«Fittxu l-Mulej
sakemm tistgħu ssibuh,
sejħulu sakemm hu fil-qrib!
«Ħa jħalli triqtu l-midneb,
u l-bniedem il-ħażin fehmietu;
«ħa jerġa’ lura
għand il-Mulej
u jħenn għalih,
għand Alla tagħna
għax hu jaħfer ħafna.
Il-fehmiet tiegħi
mhumiex fehmietkom,
u t-triqat tiegħi
mhumiex triqatkom.
Oraklu tal-Mulej.
«Għax
daqs kemm huma ogħla
s-smewwiet mill-art,
«daqshekk ieħor
huma triqati
’l fuq minn triqatkom,
«u l-fehmiet tiegħi
mill-fehmiet tagħkom.
«Bħalma x-xita u s-silġ
jinżlu mis-smewwiet,
u ma jerġgħux lura
mnejn ġew
bla ma jsaqqu l-art,
«imma jġegħluha
tnissel u tnibbet,
u tagħti ż-żerriegħa
lil min jiżra’
u l-ħobż lil min jiekol,
«hekk jiġri minn kelmti:
hija toħroġ minn fommi,
u ma terġax lura vojta,
«imma tagħmel
dak li jogħġob lili,
u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.»
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Resposorjali
Is 12, 2-3.4bċd. 5-6
℟. Kollkom ferħana,
timlew l-ilma
mill-għejun tas-salvazzjoni.
Ara,
Alla s-salvazzjoni tiegħi,
jiena nittama
u ma jkollix mniex nibża’.
Għax qawwieti
u għanjieti hu l-Mulej,
għalija sar is-salvazzjoni.
℟. Kollkom ferħana,
timlew l-ilma
mill-għejun tas-salvazzjoni.
Kollkom ferħana
timlew l-ilma
mill-għejun tas-salvazzjoni.
Roddu ħajr lill-Mulej,
sejħu ismu,
għarrfu lill-ġnus
bl-għemejjel tiegħu,
xandru li ismu
huwa fl-għoli.
℟. Kollkom ferħana,
timlew l-ilma
mill-għejun tas-salvazzjoni.
Għannu lill-Mulej
għax għamel ħwejjeġ kbar;
ħa jkun dan magħruf
mal-art kollha.
Aqbeż bil-ferħ, għanni,
int li tgħammar f’Sijon,
għax kbir hu f’nofsok
il-Qaddis ta’ Iżrael!
℟. Kollkom ferħana,
timlew l-ilma
mill-għejun tas-salvazzjoni.
Qari VI
Imxi lejn id-dija tad-dawl tal-Mulej.
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Baruk Bar 3, 9-15.32 – 4,4
Isma’, Iżrael,
il-kmandamenti tal-ħajja,
agħtu widen, tgħallmu l-għerf!
Għala, Iżrael,
għala tinsab f’art
l-għedewwa tiegħek?
Għala qiegħed tixjieħ
f’art barranija?
Għala int imniġġes mal-mejtin,
magħdud fost dawk li jinżlu f’Qiegħ l-Art?
Int twarrabt mill-għajn
tal-għerf.
Li kieku mxejt fit-triq ta’ Alla,
kont tkun tgħix fis-sliem
għal dejjem!
Tgħallem fejn hemm l-għaqal,
fejn hemm il-qawwa,
fejn hemm id-dehen,
biex f’ħin wieħed tagħraf
fejn hemm
it-tul tal-għomor u
t-tul tal-ħajja,
fejn hemm id-dawl
għall-għajnejn u s-sliem.
Imma min kixef fejn jinsab
l-għerf?
U min daħal fl-imħażen tiegħu?
Imma Dak li jaf kollox
jaf fejn hu l-għerf,
għax sabu bid-dehen tiegħu.
Dak li ħejja l-art għal dejjem,
li mlieha bil-bhejjem
li jimxu fl-art;
hu, li jibgħat id-dawl,
u dan imur;
isejjaħlu, u jisma’
minnu mriegħed;
jiddu l-kwiekeb għassiesa f’posthom, kollhom ferħana;
hu jsejħilhom,
u huma jwieġbu:
“Hawn aħna;”
jiddu ferħana għal
dak li għamilhom.
Dan hu Alla tagħna:
ħadd ma joqgħod ħdejh!
Hu sab it-triq kollha tal-għerf,
u tah lil Ġakobb,
il-qaddej tiegħu,
u lil Iżrael, il-maħbub tiegħu.
Imbagħad dan l-għerf
deher fid-dinja
u għammar fost il-bnedmin.
Hu ktieb il-kmandamenti
ta’ Alla,
hu l-Liġi li tibqa’ għal dejjem;
kull min iħarsu jgħix,
dawk li jħalluh imutu.
Erġa’ lura, Ġakobb,
u ilqa’ l-għerf,
imxi lejn id-dija ta’ dawlu;
titlaqx il-glorja tiegħek
lil ħaddieħor,
lanqas ġieħek lil ġens barrani.
Hienja aħna, Iżrael,
għax dak li jogħġob
lil Alla kien mgħarraf lilna.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 18 (19), 8.9.10.11
℟. Mulej,
inti għandek il-kliem
tal-ħajja ta’ dejjem
Il-liġi tal-Mulej perfetta,
u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min ma jafx.
℟. Mulej,
inti għandek il-kliem
tal-ħajja ta’ dejjem
Il-preċetti tal-Mulej dritti,
u jferrħu l-qalb;
il-kmandament tal-Mulej safi,
u jdawwal l-għajnejn.
℟. Mulej,
inti għandek il-kliem
tal-ħajja ta’ dejjem
Il-biża’ tal-Mulej sinċier,
u jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,
u mseddqa għal kollox.
℟. Mulej,
inti għandek il-kliem
tal-ħajja ta’ dejjem
Egħżeż mid-deheb,
mid-deheb l-aktar fin,
oħla mill-għasel u
mill-qtar tax-xehda.
℟. Mulej,
inti għandek il-kliem
tal-ħajja ta’ dejjem
Qari VII
Irroxx fuqkom ilma safi, u nagħtikom qalb ġdida.
Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Eżekjel. Eżek 36, 16-17a.18-28
Ġietni l-kelma tal-Mulej
u qalli:
«O bniedem,
meta d-dar ta’ Iżrael
kienu għadhom f’arthom,
«huma tebbgħuha
bl-imġieba tagħhom
u b’għemilhom.
«U jiena ferrajt
qillti fuqhom
Minħabba fid-demm
li xerrdu fl-art
«u minħabba fl-idoli
li bihom ċappsu l-art.
Xerridthom fost il-ġnus,
u huma xterdu mal-artijiet;
«għamilt ħaqq minnhom
skont imġibthom
u skont triqathom.
«Meta marru fost il-ġnus,
kull fejn marru,
kasbru ismi l-qaddis,
hekk li n-nies
jgħidu għalihom:
«“Dan hu
l-poplu tal-Mulej,
li kellhom joħorġu
minn artu!”
«Imma jien bżajt
għal ismi l-qaddis
li wlied Iżrael kasbru
fost il-ġnus fejn marru.
«Għalhekk għidilhom
lid-dar ta’ Iżrael:
“Dan jgħid Sidi l-Mulej:
Mhux minħabba fikom
sejjer nagħmel dan,
dar Iżrael,
iżda minħabba
f’ismi l-qaddis
li intom kasbartu
fost il-ġnus fejn mortu.
Jien inqaddes
ismi l-kbir,
imkasbar minnkom
fost il-ġnus,
li f’nofshom kasbartuh,
u l-ġnus ikunu jafu
li jiena l-Mulej,
meta nuri qdusiti fikom
quddiem għajnejhom
- oraklu ta’ Sidi l-Mulej -
meta neħodkom minn
fost il-ġnus u niġmagħkom
mill-artijiet kollha,
u nerġa’ ndaħħalkom
f ’artkom.
U rroxx fuqkom ilma safi,
u tissaffew mit-tinġis
kollu tagħkom;
mil-lidoli kollha tagħkom insaffikom.
U nagħtikom qalb ġdida,
u ruħ ġdida nqiegħed
ġo fikom;
u nneħħi minn ġisimkom
il-qalb tal-ġebel
u nagħtikom
qalb tal-laħam flokha.
U nqiegħed ruħi ġo fikom,
u nagħmel li timxu skont
il-kmandamenti tiegħi,
u li żżommu l-preċetti tiegħi
u tħarsuhom.
U tgħammru fl-art
li tajt lil missirijietkom,
u i ntom tkunu
l-poplu tiegħi
u jiena nkun
Alla tagħkom.”»
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 41 (42), 3.5bċd; 42 (43), 3.4
�
℟. Tixxennaq ruħi għalik,
o Alla tiegħi!
Ruħi għatxana għal Alla,
għal Alla l-ħaj;
meta niġi
u nara wiċċ Alla?
℟. Tixxennaq ruħi għalik,
o Alla tiegħi!
Kif kont nimxi lejn
it-tabernaklu tas-sebħ
sad-dar ta’ Alla,
fost għajta ta’ ferħ
u ta’ radd il-ħajr,
qalb folla ferħana.
℟. Tixxennaq ruħi għalik,
o Alla tiegħi!
Ibgħat id-dawl tiegħek
u s-sewwa tiegħek;
huma jmexxuni;
iwassluni sal-għolja mqaddsa tiegħek
u sal-għerejjex tiegħek.
℟. Tixxennaq ruħi għalik,
o Alla tiegħi!
U nidħol ħdejn
l-artal ta’ Alla,
ħdejn Alla,
ferħ u hena tiegħi.
U rroddlok ħajr biċ-ċetra,
o Alla,
Alla tiegħi.
℟. Tixxennaq ruħi għalik,
o Alla tiegħi!
Epistola
Kristu qam mill-imwiet biex ma jmutx aktar.
Qari mill-Ittra
ta’ San Pawl Appstlu
lir-Rumani. Rum 6, 3-11
Ħuti,
ma tafux li aħna lkoll
li tgħammidna
fi Kristu Ġesù,
tgħammidna
fil-mewt tiegħu?
Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu
kien imqajjem mill-imwiet
permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier,
hekk aħna ngħixu
ħajja ġdida.
Jekk aħna sirna
ħaġa waħda miegħu
f’mewt tixbah lil tiegħu,
hekk ningħaqdu miegħu
fil-qawmien tiegħu
mill-mewt.
Dan nafu:
li l-bniedem il-qadim
tagħna ssallab miegħu,
biex jinqered
dan il-ġisem tad-dnub,
sabiex ma nkunux aktar
ilsiera tad-dnub.
Min imut,
jeħles mid-dnub.
Jekk aħna mitna ma’ Kristu,
nemmnu wkoll
li għad ngħixu ma’ Kristu.
Nafu li Kristu
qam mill-imwiet
u ma jmutx aktar;
il-mewt ma għadhiex
taħkem fuqu.
Hu li miet,
miet darba għal dejjem
għad-dnub;
u issa li qiegħed jgħix,
qiegħed jgħix għal Alla.
Hekk ukoll intom
għandkom tqisu
lilkom infuskom
mejtin għad-dnub,
iżda ħajjin
għal Alla fi Kristu Ġesù.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.
Wara l-Epistola kulħadd iqum bilwieqfa,
u ċ-Ċelebrant jintona b’mod solenni
għal tliet darbiet l-Hallelujah.
Kull darba l-ġemgħa twieġeb warajh.
Hallelujah
Salm Responsorjali
Salm 117 (118), 1-2.16ab-17.22-23
℟. Hallelujah,
Hallelujah,
Hallelujah.
Faħħru lill-Mulej,
għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem
it-tjieba tiegħu!
Ħa jgħidu wlied Iżrael:
«Għal dejjem
it-tjieba tiegħu.»
℟. Hallelujah,
Hallelujah,
Hallelujah.
Il-leminija tal-Mulej
’il fuq merfugħa,
il-leminija tal-Mulej
għamlet ħwejjeġ ta’ ħila.
Ma mmutx,
imma nibqa’ ngħix,
u nħabbar
l-għemejjel tal-Mulej.
℟. Hallelujah,
Hallelujah,
Hallelujah.
Il-ġebla
li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa tal-Mulej
seħħ dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.
℟. Hallelujah,
Hallelujah,
Hallelujah.
Evanġelju
L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?
✠ Qari mill-Evanġelju
skont San Luqa. Lq 24, 1-12
Kmieni mas-sebħ ta’ l-ewwel jum tal-ġimgħa marru ħdejn
il-qabar u ħadu magħhom
il-fwejjaħ li kienu ħejjew.
Huma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar,
imma meta daħlu fih,
il-katavru tal-Mulej Ġesù
ma sabuhx hemm.
U kif kienu mħassbin fuq dan, f’daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi.
In-nisa, mimlijin bil-biża’, baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom:
“L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? M’huwiex hawn, imma qam.
Ftakru x’kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija, meta qal li jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f’idejn il-midinbin,
ikun mislub, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet.”
U huma ftakru kliemu.
Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta’ dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha.
Kienu Marija ta’ Magdala
u Ġwanni u Marija ta’ Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b’dan lill-appostli.
Imma d-diskors tagħhom
l-appostli stħajjluh thewdin,
u ma emmnuhomx.
Madankollu Pietru qam u
mar b’ġirja lejn il-qabar;
tbaxxa biex iħares,
imma ma rax ħlief faxex,
u raġa’ lura d-dar mgħaġġeb
b’li kien ġara.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. It-tifħir lilek Kristu.