Qari mill-Ewwel Ktieb
tas-Slaten
1 Slaten 11, 4-13
Ġara li meta Salamun kien imdaħħal sewwa fiż-żmien, in-nisa li kellu dawrulu tassew qalbu għal wara allat oħra,
hekk li qalbu issa ma baqgħetx kollha kemm hi mal-Mulej, Alla tiegħu, bħalma kienet qalb David missieru.
Salamun beda jqim lil Għastoret, alla tan-nies ta’ Sidon, u lil Milkom, l-idolu mistkerrah li kienu jqimuh in-nies ta’ Għammon.
Din l-imġiba ta’ Salamun, li ma baqax ħaġa waħda
mal-Mulej sal-aħħar,
lill-Mulej xejn ma għoġbitu.
Kemm kien xorta oħra David missieru!
Imbagħad Salamun bena fuq l-għolja biswit Ġerusalemm santwarju lil Kemos,
l-għajb ta’ Mowab, u lil Molok, l-għajb
tal-Għammonin.
U hekk għamel għan-nisa
l-oħra kollha barranin, li kienu jaħarqu l-inċens u joffru s-sagrifiċċji lil allathom.
Il-Mulej kien issa inkurlat għal Salamun talli ħalla qalbu tinfired minn miegħu, wara li dan Alla ta’ Iżrael kien ġa deherlu darbtejn,
u wissieh biex ma jmurx wara allat oħra. Iżda Salamun ma qagħadx
għat-twissijiet li l-Mulej kien għamillu.
U għalhekk qal il-Mulej lil Salamun:
“Ladarba ġibt ruħek hekk, u ma ħaristx il-patt tiegħi, u l-liġijiet li tajtek int ma ħaristhomx,
jiena se naħtaf u nċarrat issaltna minn fuqek u nagħtiha lil wieħed li hu qaddej tiegħek.
Imma minħabba f’David missierek din il-ħaġa ma nagħmilhiex fi żmienek.
Minn id ibnek naħtaf
is-saltna. Iżda ma naħtafhilekx kollha kemm hi; ikun hemm tribù, wieħed biss,
li lil ibnek inħallihulu, kemm minħabba l-qaddej tiegħi David, kemm minħabba Ġerusalemm li jien għażilt”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
R:/ Ftakar fija, Mulej, fi mħabbtek għall-poplu
Hieni min jimxi bid-dritt,
min jagħmel dejjem
is-sewwa.
Ftakar fija, Mulej,
fi mħabbtek għall-poplu tiegħek;
aħseb fija bis-salvazzjoni tiegħek.
R:/ Ftakar fija, Mulej, fi mħabbtek għall-poplu
Huma tħalltu mal-ġnus,
u tgħallmu d-drawwiet tagħhom.
Taw qima lill-idoli tagħhom,
li saru bħal nassa għalihom.
R:/ Ftakar fija, Mulej, fi mħabbtek għall-poplu
Qatlu b’sagrifiċċji lix-xjaten
lil uliedhom subien u bniet.
Għalhekk inkorla l-Mulej għall-poplu tiegħu,
u stmell il-wirt tiegħu.
R:/ Ftakar fija, Mulej, fi mħabbtek għall-poplu
Hallelujah, Hallelujah
Ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma mħawla fikom,
li tista’ ssalvalkom ruħkom.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mark
Mk 7, 24-30
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù mar fl-inħawi tal-belt ta’ Tir. Daħal joqgħod f’dar, u ried li ħadd ma jsir jaf. Iżda ma setax ikun li jinħeba,
għax malajr semgħet bih waħda mara li kellha lil bintha maħkuma minn spirtu ħażin, u marret tinxteħet f’riġlejh.
Issa din il-mara kienet Griega, Sirofeniċja
min-nisel tagħha. Bdiet mela titolbu biex ikeċċi
x-xitan minn ġo bintha.
U hu qalilha:
“L-ewwel ħa jixbgħu
l-ulied, għax mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi”.
Iżda hi weġbitu u qaltlu:
“Hekk hu, Mulej; imma taħt il-mejda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak mill-ħobż
tat-tfal”.
Imbagħad qalilha:
“Għal din il-kelma li għedt, mur, ix-xitan ħareġ minn bintek”.
U xħin marret id-dar, sabet it-tifla mimduda, u x-xitan kien ħareġ minnha.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu