L-1 Qari tal-Velja
Fil-Lejl Qaddis tal-Għid
Alla ħares lejn kulma għamel u ra li kollox kien sew ħafna
Qari mill-Ktieb
tal-Ġenesi
Ġen 1, 1 – 2, 2
Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art: u kienet l-art taħwid u baħħ;
u d-dlam kien fuq wiċċ
l-abbissi u fuq wiċċ
l-ibħra kien jittajjar
l-ispirtu ta’ Alla. U qal Alla:
“Ħa jkun id-dawl”.
U d-dawl sar. U ra Alla
d-dawl li kien tajjeb. U Alla fired id-dawl
mid-dlam.
U d-dawl Alla semmieh jum, u d-dlam sejjaħlu lejl. U dalam u sebaħ –
L-ewwel jum.
U qal Alla:
“Ħa jkun hemm medda f’nofs l-ilmijiet u tifred ilma minn ilma”.
U Alla għamel il-medda u fired l-ilma ta’ taħt
il-medda mill-ilma ta’ fuq il-medda.
U hekk sar. U l-medda Alla semmieha sema.
U dalam u sebaħ –
It-tieni jum
U qal Alla
“Ħa jinġemgħu naħa waħda l-ilmijiet ta’ taħt
is-sema u jidher l-inxif”.
U hekk sar. U sejjaħ Alla
l-inxif art; u l-ġemgħa
tal-ilma sejħilha baħar. U Alla ra li kollox kien tajjeb. U qal Alla:
“Ħa tnibbet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel
iż-żerriegħa,
siġar li jagħmlu l-frott
biż-żerriegħa ġo fih skont għamliethom, fuq l-art”.
U hekk sar. U nibbtet l-art
il-ħaxix, ħaxix li jagħmel
iż-żerriegħa skont għamlietu u siġar jagħmlu l-frott biż-żerriegħa skont għamlietu;
u ra Alla li kien tajjeb.
U dalam u sebaħ – It-tielet jum.
U qal Alla:
“Ħa jkun hemm imnariet fil-firxa tas-sema biex jifirdu l-jum mil-lejl, u jkunu sinjali għat-tqassim taż-żminijiet,
tal-jiem u tas-snin. U jkun hemm imnariet fil-firxa tas-sema biex idawlu
l-art”.
U hekk sar. U għamel Alla
ż-żewġ imnariet il-kbar;
l-imnara l-kbira biex trieġi
l-jum, u l-imnara ż-żgħira biex trieġi l-lejl, u l-kwiekeb.
U Alla qegħedhom fil-firxa tas-sema biex jiddu fuq
l-art, u jrieġu l-jum u l-lejl u jifirdu d-dawl mid-dlam.
U Alla ra li kien tajjeb. U dalam u sebaħ –
Ir-raba’ jum.
U qal Alla:
“Jiżgħed l-ilma b’kotra ta’ ħlejjaq ħajjin u jittajru
t-tjur fuq l-art fil-wesgħa
tas-smewwiet”.
U Alla ħalaq il-ħut il-kbir u l-annimali kollha li jitkaxkru, li bihom miżgħud l-ilma, skont ġenshom,
u t-tajr bil-ġwienaħ skont ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb. U berikhom Alla u qalilhom:
“Welldu u oktru, u imlew l-ilma tal-ibħra; u joktor it-tajr fuq l-art”.
U dalam u sebaħ - Il-ħames jum.
U qal Alla:
“Ħa tnissel l-art ħlejjaq ħajja skont ġenshom: bhejjem tad-dar, annimali li jitkaxkru, u bhejjem selvaġġi, skont ġenshom”.
U hekk sar. U għamel Alla l-bhejjem selvaġġi skont ġenshom, u l-bhejjem
tad-dar skont ġenshom,
u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art skont ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb.
U qal Alla:
“Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna, u jaħkmu fuq
il-ħut tal-baħar u fuq
it-tajr tal-ajru,
fuq il-bhejjem tad-dar u fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru fuq l-art”.
U Alla ħalaq il-bniedem
fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu: raġel u mara ħalaqhom.
U berikhom Alla u qalilhom:
“Nisslu u oktru, u imlew
l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art”.
U qal Alla:
“Araw, jien tajtkom
il-ħaxix kollu, li jagħmel iż-żerriegħa fuq wiċċ l-art, u s-siġar kollha li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa:
dawn kollha jkunu
għall-għajxien tagħkom.
U lill-bhejjem kollha selvaġġi u t-tajr kollu
tal-ajru
u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fl-art li fihom nifs il-ħajja, nagħtihom
il-ħaxix kollu aħdar
għall-għajxien tagħhom”.
U hekk sar. U ħares Alla lejn kulma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna. U dalam u sebaħ – Is-sitt jum.
U hekk tlestew is-sema u
l-art bit-tagħmir kollu tagħhom. U fis-seba’ jum Alla temm ix-xogħol tiegħu kollu li kien għamel,
u waqaf fis-seba’ jum
mix-xogħol tiegħu li kien għamel.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Ġedded il-wiċċ tal-art, Mulej
Salm Responsorjali
Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!
Bis-sebħ u bil-ġmiel inti mlibbes,
bid-dawl, bħal b’mantell, inti mkebbeb.
R:/ Ġedded il-wiċċ tal-art, Mulej
Int waqqaft l-art fuq
is-sisien tagħha,
b’mod li qatt ma titħarrek;
bl-ibħra, bħal b’libsa, inti ksejtha;
u l-ilmijiet waqfu fuq qċaċet l-għoljiet.
R:/ Ġedded il-wiċċ tal-art, Mulej
L-għejun tiftħilhom għal ġol-widien,
u huma jiġru qalb
l-għoljiet.
Ħdejhom jgħammru
l-għasafar tal-ajru,
minn qalb il-friegħi jsemmgħu l-għana tagħhom.
R:/ Ġedded il-wiċċ tal-art, Mulej
Inti ssaqqi l-muntanji
mill-imħażen għolja tiegħek,
u tixba’ l-art bil-frott ta’ għemilek.
Inti tnibbet il-ħdura
għall-bhejjem,
u l-ħxejjex li bihom jinqeda l-bniedem.
R:/ Ġedded il-wiċċ tal-art, Mulej
Kemm huma kotrana
l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Kollha bl-għerf għamilthom;
Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.
Bierek, ruħ tiegħi,
il-Mulej.
R:/ Ġedded il-wiċċ tal-art, Mulej
JEW
R:/ Bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art
Salm Responsorjali
Sewwa hi l-kelma
tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u
s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.
R:/ Bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art
Bil-kelma tal-Mulej saru
s-smewwiet,
u b’nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.
Bħal f’ġarra l-ilmijiet ġabar,
u l-ibħra l-kbar fi mħażen.
R:/ Bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art
Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,
il-poplu li hu għażel b’wirtu.
Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej,
u jara l-bnedmin kollha.
R:/ Bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art
Ruħna tixxennaq
għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna.
R:/ Bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art
L-1 Qari tal-Velja
Fil-Lejl Qaddis tal-Għid
Alla ħares lejn kulma għamel u ra li kollox kien sew ħafna