Qari mill-Ktieb tal-
Profeta Hosegħa
Hos 2,16.17b-18.21-22
Dan jgħid il-Mulej;
“Araw, jiena se niġbidha, neħodha fid-deżert u lil qalbha nkellem.
Hemmhekk hi twieġeb bħal fi żmien żgħożitha, bħal fi żmien ħruġha minn art l-Eġittu. U jiġri f’dak il-jum
- oraklu tal-Mulej -
li hi ssejjaħli: ‘Żewġi’;
lili ma ssejjaħlix ‘Sidi’, iżjed. Għal dejjem ngħarrsek miegħi,
ngħarrsek miegħi
fis-sewwa u l-ħaqq,
fl-imħabba u l-ħniena,
b’rabta fidila jien ngħarrsek miegħi,
u int tagħraf lill-Mulej.”
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R./ Twajjeb u ħanin
il-Mulej
Salm Responsorjali
Kuljum irrid inbierkek,
u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kbir il-Mulej,
ta’ min ifaħħru bil-bosta,
bla tarf il-kobor tiegħu.
R./ Twajjeb u ħanin
il-Mulej
Nisel lil nisel
isebbaħ għemilek,
u s-setgħa tiegħek ixandru.
Il-ġmiel u l-kobor
tas-sebħ tiegħek iħabbru,
u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu.
R./ Twajjeb u ħanin
il-Mulej
Il-qawwa tal-għemejjel tiegħek tal-biża’ jxandru;
u jien fuq l-għemejjel kbar tiegħek nitħaddet.
It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru,
jgħajtu bil-ferħ minħabba
l-ġustizzja tiegħek.
R./ Twajjeb u ħanin
il-Mulej.
Twajjeb u ħanin il-Mulej, idum biex jagħdab u kollu tieba.
Twajjeb ma’ kulħadd
il-Mulej,
tjubitu fuq kulma għamel.
R./ Twajjeb u ħanin
il-Mulej
Hallelujah, Hallelujah
Is-Salvatur tagħna
Kristu Ġesù qered il-mewt,
u dawwal il-ħajja
permezz tal-Evanġelju.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 9, 18-26
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, resaq lejn Ġesù wieħed mill-kapijiet, inxteħet f’riġlejh u qallu:
“Binti iss’issa għadha kemm mietet. Imma int
ejja qiegħed idek fuqha u hija tgħix.”
Ġesù qam u mar warajh flimkien mad-dixxipli tiegħu.
Mela waħda mara, li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati
bit-tnixxija tad-demm, resqet lejh minn wara u messitlu t-tarf tal-libsa,
għax bejnha u bejn ruħha qalet:
“Imqarr jekk immiss
il-libsa tiegħu, infiq.”
Ġesù dar, lemaħha, u qalilha:
“Agħmel il-qalb, binti;
il-fidi tiegħek fejqitek.”
U minn dak il-ħin stess
il-mara fieqet.
Meta daħal għand il-kap, Ġesù ra d-daqqaqa tal-flawt u folla nies jagħmlu storbju sħiħ; u qalilhom:
“Warrbu, għax it-tifla mhijiex mejta, imma rieqda.”
U qabdu jiddieħku bih. Iżda hu keċċa n-nies ’il barra, daħal, qabad id it-tifla u din qamet.
U din l-aħbar xterdet ma’ dak il-pajjiż kollu.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu