Tifkira tal-Imqaddsa Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmelu
Qari mill-Ktieb
ta’ Żakkarija
Żakk 2, 14-17
Għajjat bil-ferħ u infexx
fl-hena, bint Sijon, għaliex arani ġej biex ngħammar f’nofsok,
oraklu tal-Mulej,
u kotra kbira ta’ ġnus
jingħaqdu dakinhar
mal-Mulej;
u huma jkunu l-poplu tiegħi.
U jiena ngħammar f’nofsok;
imbagħad inti tagħraf
li l-Mulej tal-eżerċti bagħatni għandek.
U l-Mulej jieħu ’l Ġuda
bħala sehmu mill-wirt fl-Art Imqaddsa, u jerġa’ jaħtar lil Ġerusalemm!
Żommu s-skiet quddiem
il-Mulej,
intom il-ħajjin ilkoll,
għax stenbaħ mill-għamara mqaddsa tiegħu!
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Nimxu warajk kull fejn teħodna, Verġni Marija!
Salm Responsorjali
Mulej, min jgħammar
fid-dar tiegħek?
Min joqgħod fuq il-għolja mqaddsa tiegħek?
R:/ Nimxu warajk kull fejn teħodna, Verġni Marija!
Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,
min jgħid is-sewwa f’qalbu;
min ma jqassax bi lsienu,
ma jagħmilx deni lil ġaru,
u ma jgħajjarx lil għajru.
R:/ Nimxu warajk kull fejn teħodna, Verġni Marija!
Min ma jqisx lill-bniedem il-ħażin,
imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej.
R:/ Nimxu warajk kull fejn teħodna, Verġni Marija!
R:/ Hallelujah. Hallelujah
Hienja dawk li jisimgħu
l-kelma ta’ Alla u jħarsuha.
R:/ Hallelujah. Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 12, 46-50
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien: Kif kien għadu qiegħed ikellem
lin-nies, ġew ommu u ħutu, waqfu barra u fittxew li jkellmuh. Xi ħadd qallu:
“Ara, ommok u ħutek qegħdin barra jfittxu li jkellmuk.”
Iżda hu wieġeb lil dak li kellmu, u qallu:
“Min hi ommi? U min huma ħuti?”
Imbagħad medd idu lejn
id-dixxipli tiegħu u qal:
“Dawn, araw, huma ommi u ħuti. Għax kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi.”
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
Tifkira tal-Imqaddsa Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmelu