Qari mill-Ktieb tal-
Profeta Mikea
Mik 2, 1-5
Ħażin għalihom dawk li jfasslu l-ħsara, dawk li jsawru d-deni fuq soddithom! U jagħmluh mas-sebħ filgħodu,
għax idejhom għandhom
is-setgħa. Jekk jitlebilbu għall-għelieqi, jisirquhom;
jekk għad-djar, jaħtfuhom;
jagħmlu l-vjolenza fuq raġel u daru, fuq is-sid u ġidu.
Għalhekk dan jgħid
il-Mulej:
“Ara, kontra din ir-razza ta’ nies qed infassal ħsibijiet ta’ ħsara, li ma teħilsux għonqkom minnha,
u ma tibqgħux timxu raskom merfugħa, għax ikun żmien ħażin.
Dakinhar tiġu f’ilsien
in-nies, jgħannulkom għanja tal-biki u
jgħidulkom:
Aħna misruqin serqa
għall-aħħar; sehem il-poplu tiegħu qiegħed jitqies
bil-ħbula,
m’hemm ħadd biex iroddhulu lura;
ir-raba’ tagħna sar sehem min seraqna’.
Għalhekk għalikom ma
jkunx hemm min jixħet
il-ħabel tal-qjies
bix-xorti fil-ġemgħa
tal-Mulej”.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Mulej, la tinsihomx
lill-imsejknin
Salm Responsorjali
Għaliex, Mulej,
int hekk imbiegħed?
Għaliex
tinħeba waqt il-bżonn?
Fi kburitu
l-ħażin lill-fqir jaħqar,
jaqbdu fin-nases li nasablu.
R:/ Mulej, la tinsihomx
lill-imsejknin
Il-ħażin jiftaħar
bix-xewqat ta’ qalbu,
fir-regħba tiegħu
jisħet u jżeblaħ
lill-Mulej.
Fi kburitu jkasbar
lill-Mulej,
u f’xejn ma jfittxu;
u Alla ma jidħolx fi ħsibijietu.
R:/ Mulej, la tinsihomx
lill-imsejknin
Saħta, qerq u dnewwa
fuq fommu:
għawġ u ħsara fuq ilsienu.
Wara l-ħitan tas-sejjieħ jissajja,
fil-moħbi joqtol nies bla ħtija; għajnejh ifittxu
lill-imsejken.
R:/ Mulej, la tinsihomx
lill-imsejknin
Int tara, tabilħaqq,
l-għawġ u l-ħsara,
u taħseb biex f’idejk teħodhom.
F’idejk jintelaq
l-imsejken;
tal-iltim int sirt
l-għajnuna.
R:/ Mulej, la tinsihomx
lill-imsejknin
R: Hallelujah, Hallelujah
Alla kien li ħabbeb
il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu, u fdalna l-ministeru ta’ din
il-ħbiberija.
R: Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 12, 14-21
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, il-Fariżej ħarġu u bdew jiftiehmu bejniethom kontra Ġesù,
kif se jeqirduh. Ġesù sar jaf b’dan u telaq minn hemm.
Ħafna nies marru warajh u fejjaqhom kollha, u
ordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien,
biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Iżaija, meta qal:
“Ara l-Qaddej tiegħi li jiena ħtart, l-għażiz tiegħi
li bih ruħi tgħaxxqet!
Jien inqiegħed l-Ispirtu tiegħi fuqu u hu jxandar
il-ġustizzja lill-ġnus.
Ma jiksirha ma’ ħadd,
ma jgħollix leħnu u ħadd
ma jisma’ leħnu fil-pjazez.
Qasba mġelġla ma
jiksirhiex, u musbieħ inemmnem ma jitfihx,
sa ma jwassal il-ġustizzja
għar-rebħa, u f’ismu jittamaw il-ġnus.”
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu