Qari mill-Ktieb
tal-Profeta Eżekjel
(Eżek 12, 1-12)
F’dak iż-żmien, ġietni
l-kelma tal-Mulej u qalli:
“O bniedem, int qiegħed
ma’ nies ta’ rashom iebsa; għandhom l-għajnejna biex jaraw, imma ma jarawx;
għandhom il-widnejn biex jisimgħu, imma ma jisimgħux; għax huma nies ta’ rashom iebsa.
Issa int, o bniedem, ħu miegħek kulma jeħtieġlu wieħed eżiljat, u itlaq binhar quddiemhom;
tbiegħed minn fejn int, u quddiemhom stess itlaq lejn post ieħor. Għandhom mnejn jintebħu li huma nies ta’ ras iebsa.
Ħejji binhar quddiemhom
il-meħtieġ tiegħek, qisu
l-meħtieġ ta’ min sejjer
fl-eżilju,
u filgħaxija oħroġ quddiemhom bħal wieħed ħiereġ għall-eżilju.
Ħaffer toqba fil-ħajt quddiemhom u oħroġ
minnha. Ġorr kollox fuq spallejk quddiemhom u oħroġ fid-dlam;
għatti wiċċek biex ma tarax l-art.
Għax jien għamiltek sinjal għad-dar ta’ Iżrael.”
Jiena għamilt kif ordnali
l-Mulej, u binhar ħejjejt
il-meħtieġ tiegħi, qisu
l-meħtieġ ta’ min sejjer
fl-eżilju;
fil-għaxija ħaffirt toqba
fil-ħajt b’idi stess, u mbagħad ħriġt quddiemhom fid-dlam,
bis-sorra fuq spallejja.
L-għada fil-għodu l-Mulej
kellimni u qalli:
“O bniedem, dawn in-nies ta’ rashom iebsa ta’ dar Iżrael ma staqsewkx x’inti
tagħmel?
Mela għidilhom:
Hekk jgħid il-Mulej:
Kontra l-prinċep li hemm Ġerusalemm hi din
is-sentenza, u kontra d-dar kollha ta’ Iżrael li tinsab fiha.
Għidilhom: Jiena sinjal
għalikom. Kif għamilt jien
hekk għad jagħmlu lilkom; fit-turufnament u l-eżilju għad tmorru.
U l-prinċep li hemm fosthom għad jerfa’ s-sorra tiegħu fuq spallejh
fid-dlam,
u jħaffer toqba
fil-ħajt biex joħroġ minnha, u jgħatti wiċċu biex ma jkunx jista' jara
l-art b’għajnejh.”
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Ma ninsewx
l-għemejjel ta’ Alla
Salm Responsorjali
Ġarrbu u kiddu lil Alla
l-Għoli,
ma ħarsux il-kmandamenti tiegħu.
Reġgħu lura u naqsu bħal missirijiethom,
għawwġu triqthom bħal ark li jqarraq bik.
R:/ Ma ninsewx
l-għemejjel ta’ Alla
Regħxuh fuq l-għoljiet tagħhom,
kebbsulu l-għejra
bl-idoli tagħhom.
Sama’ b’dan Alla,
u nxtegħel bl-għadab,
u warrab għalkollox
lil Iżrael.
R:/ Ma ninsewx
l-għemejjel ta’ Alla
Ħalla f’idejn l-għadu
l-arka tiegħu,
fejn kien hemm il-qawwa u
l-glorja tiegħu.
Telaq għas-sejf il-poplu tiegħu,
ħadha bl-aħrax kontra
wirtu.
R:/ Ma ninsewx
l-għemejjel ta’ Alla
Hallelujah, Hallelujah
Ħa jiddi wiċċek fuq
il-qaddej tiegħek, għallimni
l-kmandamenti tiegħek.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 18, 21-19,1
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Pietru resaq lejn Ġesù u qallu:
“Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”
U Ġesù wieġbu:
“Ma ngħidlikx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba.
Għalhekk is-Saltna
tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed
sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu.
Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent.
Billi ma kellux minn fejn
iroddhomlu, is-sinjur
ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kull ma kellu, ħalli b'hekk jitħallas id-dejn.
Imma l-qaddej inxteħet
quddiemu jitolbu u jgħidlu:
‘Sinjur, stabar ftit bija; kollox inroddlok.’
Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.
Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn
sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu.
‘Ħallas dejnek,’ qallu.
Il-qaddej sieħbu nxteħet
quddiemu jitolbu
bil-ħniena u jgħidlu,
‘Stabar ftit bija u
nroddlok.’
Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kull ma kellu jagħtih.
Sħabu l-qaddejja raw
il-ġrajja kollha u sewwdu qalbhom ħafna;
marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu
kulma kien ġara. Mbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu,
‘Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak
id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena,
ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?’
U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min
jaħqru sa ma jrodd kulma kellu jagħti.
Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom.”
Kif temm dan id-diskors,
Ġesù telaq mill-Galilija u mar il-Lhudija, fl-inħawi ’l hemm mill-Ġordan.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu