Tifkira tal-Imqaddsa Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmelu
Qari mill-Ktieb
tas-Slaten
Slat 18: 42b-45a
Elija tela’ fuq il-quċċata
tal-Karmel, inxteħet fl-art, u qiegħed wiċċu bejn irkopptejh. U qal lill-qaddej tiegħu:
“Itla’ u ħares lejn
in-naħa tal-baħar”.
Dak tela’, ħares, u qal:
“Ma hemm xejn”.
Qallu:
“Erġa’ mur seba’ darbiet”.
Mas-seba’ darba qabad jgħajjat:
“Ara, hemm sħaba daqs keffa ta’ id ta’ raġel, tielgħa mill-baħar”.
Qallu Elija:
“Mur għidlu lil Aħab: ‘Arma ż-żwiemel u inżel, qabel ma tilħqek ix-xita.’ ”
Malli dan, is-sema swied, qam ir-riħ, u bdiet nieżla xita kbira.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Nimxu warajk kull fejn teħodna, Verġni Marija!
Salm Responsorjali
Mulej, min jgħammar
fid-dar tiegħek?
Min joqgħod fuq il-għolja mqaddsa tiegħek?
R:/ Nimxu warajk kull fejn teħodna, Verġni Marija!
Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,
min jgħid is-sewwa f’qalbu;
min ma jqassax bi lsienu,
ma jagħmilx deni lil ġaru,
u ma jgħajjarx lil għajru.
R:/ Nimxu warajk kull fejn teħodna, Verġni Marija!
Min ma jqisx lill-bniedem il-ħażin,
imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej.
R:/ Nimxu warajk kull fejn teħodna, Verġni Marija!
R:/ Hallelujah. Hallelujah
Hienja dawk li jisimgħu
l-kelma ta’ Alla u jħarsuha.
R:/ Hallelujah. Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
Mt 12, 46-50
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien: Kif kien għadu qiegħed ikellem
lin-nies, ġew ommu u ħutu, waqfu barra u fittxew li jkellmuh. Xi ħadd qallu:
“Ara, ommok u ħutek qegħdin barra jfittxu li jkellmuk.”
Iżda hu wieġeb lil dak li kellmu, u qallu:
“Min hi ommi? U min huma ħuti?”
Imbagħad medd idu lejn
id-dixxipli tiegħu u qal:
“Dawn, araw, huma ommi u ħuti. Għax kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi.”
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
Tifkira tal-Imqaddsa Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmelu