Il-Ġimgħa
tat-Tielet Ġimgħa
tal-Għid
Qari mill-Ktieb
tal-Atti tal-Appostli
Atti 9, 1-20
F’dak iż-żmien, Sawl, li kien għadu bil-qawwa kollha jhedded bil-mewt lid-dixxipli tal-Mulej,
mar għand il-qassis il-kbir u talbu jagħtih ittri
għas-sinagogi ta’ Damasku,
biex ikun jista’ jaqbad
l-irġiel u n-nisa kollha li jsib miexja fit-Triq tal-Mulej u jeħodhom marbuta Ġerusalemm.
Huwa u sejjer, kif qorob lejn Damasku, f’daqqa waħda idda madwaru dawl
mis-sema. Waqa’ fl-art, u sama’ leħen jgħidlu:
“Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?”.
Hu wieġeb:
“Min int, Mulej?”.
U l-leħen wieġbu:
“Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah. Imma issa qum u idħol il-belt, u
hemmhekk jgħidulek x’għandek tagħmel”.
Dawk li kienu sejrin miegħu baqgħu mbikkma, billi kienu semgħu l-leħen imma ma raw lil ħadd.
Sawl qam mill-art, fetaħ għajnejh u ma sata’ jara xejn. Imbagħad mexxewh minn idu u wassluh Damasku.
Dam tlitt ijiem ma jarax, u la kiel u lanqas xorob. F’Damasku kien hemm dixxiplu, jismu Ħananija. Deherlu l-Mulej u qallu:
“Ħananija!”
“Hawn jien, Mulej!”
wieġeb.
U l-Mulej qallu:
“Qum u mur fit-triq li jgħidulha d-Dritta, u
hemm, fid-dar ta’ Ġuda, staqsi għal wieħed minn Tarsu, jismu Sawl.
Dan qiegħed jitlob, u ra f’dehra wieħed, jismu Ħananija, dieħel ħdejh u jqegħedlu jdejh fuqu biex jerġa’ jieħu d-dawl”.
Ħananija wieġeb:
“Mulej, jien smajt
mingħand ħafna fuq dan ir-raġel, kemm għamel ħsara lill-qaddisin tiegħek f’Ġerusalemm.
U issa qiegħed hawn
bis-setgħa mingħand
il-qassisin il-kbar biex jarresta lil dawk kollha li jsejħu ismek”.
Iżda l-Mulej wieġbu:
“Mur, għax dan ir-raġel hu għodda magħżula minni biex iwassal ismi quddiem il-ġnus u s-slaten u quddiem ulied Iżrael.
Jien stess għad nurih kemm irid ibati minħabba f’ismi”.
Ħananija telaq lejn id-dar ta’ Ġuda, daħal, qiegħed
idejh fuq Sawl u qallu:
“Sawl, ħija, il-Mulej Ġesù, li deherlek fit-triq inti u ġej hawn, bagħatni biex terġa’ tieħu d-dawl u timtela
bl-Ispirtu s-Santu”.
F’daqqa waħda waqa’ bħal qxur minn għajnejh u raġa’ beda jara. Imbagħad qam u tgħammed, kiel xi ħaġa,
u ħa r-ruħ.
Għal ftit jiem qagħad
mad-dixxipli f’Damasku.
U malajr beda jxandar lil Ġesù fis-sinagogi u jgħid li dan hu l-Iben ta’ Alla.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Morru fid-dinja kollha, xandru
l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.
Salm Responsorjali
Faħħru l-Mulej, intom ġnus kollha,
sebbħuh, intom popli lkoll!
R:/ Morru fid-dinja kollha, xandru
l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.
Għax kbira hi t-tieba tiegħu magħna,
il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.
R:/ Morru fid-dinja kollha, xandru
l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.
Hallelujah, Hallelujah
Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih, jgħid il-Mulej.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Ġwann
Ġw 6, 52-59
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu:
“Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”.
Ġesù mela qalilhom:
“Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom.
Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.
Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb. Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih.
Bħalma bagħatni
l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.
Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol dan
il-ħobż jgħix għal dejjem”.
Dan Ġesù qalu huwa u jgħallem fis-sinagoga, f’Kafarnahum.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu
Il-Ġimgħa
tat-Tielet Ġimgħa
tal-Għid