Qari mill-Ittra ta’
San Ġakbu Appostlu
Ġak 1, 12-18
Hieni l-bniedem li jistabar fit-tiġrib, għax wara li jkun għeleb it-tiġrib, jaqla’
l-kuruna tal-ħajja li l-Mulej wiegħed lil dawk li jħobbuh.
Waqt li tkunu mġarrbin, araw li ħadd ma jgħid: “Alla qiegħed iġarrabni”,
għax Alla ma jistax jiġġarrab għall-ħażin,
u anqas mhu se jġarrab lil ħadd. Għax kull bniedem imġarrab jinġibed u jitħajjar mill-passjoni tiegħu stess.
Imbagħad il-passjoni, meta tnissel, tiled id-dnub; u
d-dnub, meta jilħaq il-milja tiegħu, iġib il-mewt.
La titqarrqux, aħwa għeżież tiegħi. Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier,
l-għajn tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta’ tidwir.
Għax ried hu, wilidna
bil-kelma tal-verità, biex inkunu l-ewwel frott
tal-ħlejjaq tiegħu.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Hieni l-bniedem li int twiddbu, Mulej
Salm Responsorjali
Hieni l-bniedem li int twiddbu, Mulej,
li tgħallmu l-liġi tiegħek,
biex isserrħu f’jiem l-għawġ.
R:/ Hieni l-bniedem li int twiddbu, Mulej
Għax il-Mulej ma jitlaqx
il-poplu tiegħu,
ma jħallix il-poplu, il-wirt tiegħu.
Għax il-ħaqq jerġa’ jsir
bil-ġustizzja,
u fuqu jimxu dawk kollha ta’ qalb safja.
R:/ Hieni l-bniedem li int twiddbu, Mulej
Biżżejjed ngħid: “Qiegħed jiżloq riġli”,
biex tjubitek, Mulej, tweżinni.
Meta joktor l-hemm ġo qalbi,
il-faraġ tiegħek ihennili ruħi.
R:/ Hieni l-bniedem li int twiddbu, Mulej
Hallelujah, Hallelujah
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti,
jgħid il-Mulej
u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont �San Mark
Mk 8, 14-21
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, id-dixxipli nsew jieħdu l-ħobż, u ma kellhomx ħlief ħobża waħda magħhom
fid-dgħajsa.
Ġesù wissiehom u qalilhom:
“Iftħu għajnejkom, oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u mill-ħmira ta’ Erodi!”.
Huma bdew jgħidu bejniethom:
“Dan għax m’għandniex ħobż”.
Ġesù induna u qalilhom:
“X’intom tgħidu bejnietkom li ma għandkomx ħobż? Għadkom ma ntbaħtux u ma fhimtux?
X’ebusija ta’ ras għandkom? Għandkom għajnejn u ma tarawx, għandkom widnejn u ma tisimgħux?
Ma tiftakrux meta qassamt il-ħames ħobżiet bejn
il-ħamest elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu mimlija
bil-bċejjeċ li kien fadal?”.
Qalulu:
“Tnax”.
“Meta qassamt is-seba’ ħobżiet bejn l-erbat elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu bil-bċejjeċ li kien fadal?”.
Qalulu:
“Sebgħa”.
“U għadkom ma fhimtux?”
qalilhom.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu