Qari mit-Tieni Ktieb
ta’ Samwel
2 Sam 24, 2.9-17
F’dak iż-żmien, is-sultan David qal lil Ġowab u
lill-kmandanti tal-eżerċtu li kienu miegħu:
“Morru duru mat-tribujiet kollha ta’ Iżrael, minn Dan sa Birsaba, u għoddu
l-poplu, biex jien inkun naf l-għadd tal-poplu”.
U Ġowab ta lis-sultan
l-għadd taċ-ċensiment
tal-poplu, li kien ilaħħaq għal Iżrael tmien mitt elf raġel kapaċi jislet ix-xabla;
u għal Ġuda ħames mitt elf raġel. Iżda wara
ċ-ċensiment tal-poplu David ħass qalbu ttaqtaq, u qal lill-Mulej:
“Dnibt bil-kbir b’li għamilt; issa, Mulej, neħħi nitolbok, dan il-ħażen
tal-qaddej tiegħek, għax tbellaħt bil-bosta”.
Xħin David qam filgħodu, il-Mulej kellem lil Gad
il-profeta, il-veġġent ta’ David, u qallu:
“Mur u għid lil David: Dan jgħid il-Mulej: ‘Tliet ħwejjeġ inqegħedlek quddiemek; agħżel waħda minnhom u jien nagħmilhielek”.
U Gad mar għand David u ħabbarlu u qallu:
“Trid int li jiġuk tliet snin ta’ għaks fuq l-art? Jew taħrab għal tliet xhur minn quddiem l-għadu tiegħek hu u jiġri warajk?
Jonkella li jkun hemm tlitt ijiem pesta f’pajjiżek? Issa aħsibha u għidli x’għandi nwieġeb lil min bagħatni”.
U David wieġeb lil Gad:
“Inħossni f’diqa kbira: Ħalli naqa’ f’id il-Mulej, għax kbira l-ħniena tiegħu; imma ma rridx naqa’ f’idejn il-bnedmin!”.
U l-Mulej bagħat il-pesta f’Iżrael, minn filgħodu
sal-ħin miftiehem, u mietu mill-poplu – minn Dan sa Birsaba – sebgħin elf ruħ.
Meta l-anġlu kien sejjer imidd idu għal fuq Ġerusalemm biex jeqridha, il-Mulej sogħob bih
mid-deni,
u qal lill-anġlu li kien qiegħed jagħmel ħerba
mill-poplu:
“Biżżejjed! Żomm idek!”.
Dak il-ħin l-anġlu tal-Mulej kien ħdejn il-qiegħa ta’
Arawna, il-Ġebusi.
Xħin David lemaħ lill-anġlu jaħbat għan-nies kellem
lill-Mulej u qallu:
“Arani, jien dnibt, u jien għamilt id-deni! Imma dawn in-nagħaġ x’għamlu?
Ħa tkun, nitolbok, idek fuqi, u fuq dar missieri!”
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Irroddu ħajr lil Alla
R:/ Aħfirli, Mulej,
il-ħażen tiegħi
Salm Responsorjali
Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura,
li għandu d-dnub tiegħu mistur!
Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej,
u ma għandu ebda qerq f’qalbu!
R:/ Aħfirli, Mulej,
il-ħażen tiegħi
Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek,
u l-ħażen tiegħi ma ħbejthulekx.
Jien għedt: “Quddiem
il-Mulej nistqarr ħtijieti”.
U int ħfirtli l-ħażen
tad-dnub tiegħi.
R:/ Aħfirli, Mulej,
il-ħażen tiegħi
Għalhekk kull min hu twajjeb
lilek jitlob fi żmien in-niket.
Jekk ifuru ilmijiet kotrana,
lilu qatt ma jilħquh.
R:/ Aħfirli, Mulej,
il-ħażen tiegħi
Int kenn għalija,
mit-taħbit tħarisni,
iddawwarni u tferraħni
bil-ħelsien tiegħek.
R:/ Aħfirli, Mulej,
il-ħażen tiegħi
Hallelujah, Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni,
u jiena nagħrafhom, jgħid il-Mulej
u huma jimxu warajja.
Hallelujah, Hallelujah
Qari mill-Evanġelju skont
San Mark
Mk 6, 1-6
R:/ Glorja lilek Mulej
F’dak iż-żmien, Ġesù mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu. Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga,
u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu:
“Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn
l-għeġubijiet kbar b’idejh?
Dan mhuwiex
il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?”.
U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih.
Qalilhom Ġesù:
“Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess”.
U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom;
u baqa’ mistagħġeb
bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom. Ġesù mar idur l-irħula ta’ dawk l-inħawi jgħallem.
Il-Kelma tal-Mulej
R:/ Tifħir lilek Kristu