It-Tielet Ħadd tar-Randan
Sena Ċ
”Jekk ma tindmux,
ilkoll tintilfu
xorta waħda.”
Qari I
JIENA-HU bagħatni għandkom.
Qari mill-Ktieb
tal-Eżodu Eż 3:1-8a,13-15
F’dak iż-żmien,
Mosè kien jirgħa l-merħla
ta’ ħatnu Ġetru,
qassis ta’ Midjan,
u ħa l-merħla ’l hemm
fid-deżert, u wasal sa ħdejn Ħoreb, il-muntanja ta’ Alla.
Hawn deherlu l-anġlu
tal-Mulej f’ħuġġieġa nar qalb
l-għollieq.
Mosè ħares u ra l-għollieq jaqbad bin-nar
bla ma jintemm.
Mosè qal: “Ħ nersaq u nara
din id-dehra tal-għaġeb:
għala mhux jinħaraq
l-għollieq?”.
Il-Mulej rah riesaq biex jara,
u Alla sejjaħlu minn qalb
l-għollieq u qallu:
“Mosè, Mosè!”.
U Mosè wieġeb:
“Hawn jien!”.
U l-Mulej qallu:
“La tersaqx ’l hawn.
Neħħi l-qorq minn riġlejk, għax il-post li inti fuqu
hu art qaddisa”.
U ssokta jgħidlu:
“Jien hu Alla ta’ missirijietek: Alla ta’ Abraham,
Alla ta’ Iżakk
u Alla ta’ Ġakobb”.
Mosè għatta wiċċu,
għax beża’ jħares lejn Alla.
U l-Mulej qallu:
“Jien ħarist u rajt it-tbatija
tal-poplu tiegħi fl-Eġittu.
U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom.
Issa nżilt biex neħlishom
minn idejn l-Eġizzjani u biex intellagħhom minn dik l-art
u neħodhom f’art tajba u wiesgħa, f’art tnixxi ħalib u għasel”.
Mosè reġa’ wieġeb:
“Ara, jiena mmur għand ulied Iżrael u ngħidilhom:
‘Alla ta’ missirijietkom bagħatni għandkom’.
Huma jistaqsuni: ‘X’jismu?’. Jiena xi ngħidilhom?”.
Alla wieġbu:
“Jien li Jien”.
U kompla jgħidlu:
“Hekk għidilhom lil ulied Iżrael: ‘Jiena-Hu bagħatni għandkom’”.
U Alla kompla jgħidlu:
“Hekk għandek tgħidilhom lil ulied Iżrael:
‘Jaħweh, Alla ta’ missirijietkom,
Alla ta’ Abraham,
Alla ta’ Iżakk,
Alla ta’ Ġakobb,
bagħatni għandkom’.
Dan ikun ismi għal dejjem u dan l-isem ifakkarkom fija minn nisel għal nisel”.
Il-Kelma tal-Mulej
℟ Irroddu ħajr lill Alla
Salm Responsorjali
Salm 102(103):1-2,3-4,6-7,8,11
℟ Ħanin u twajjeb il-Mulej.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.
℟ Ħanin u twajjeb il-Mulej.
Hu li jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena.
℟ Ħanin u twajjeb il-Mulej.
Il-Mulej jagħmel is-sewwa,
u l-ħaqq mal-maħqurin kollha.
Hu għarraf lil Mosè
l-ħsieb tiegħu,
l-għemejjel tiegħu
lil ulied Iżrael.
℟ Ħanin u twajjeb il-Mulej.
Ħanin u twajjeb il-Mulej,
idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.
Daqskemm huma
s-smewwiet ’il fuq mill-art,
hekk hi kbira tjubitu
ma’ min jibża’ minnu.
℟ Ħanin u twajjeb il-Mulej.
Qari II
Il-ħajja tal-poplu ma’ Mosè fid-deżert inkitbet bi twissija għalina.
Qari mill-Ittra
ta’ San Pawl Appostlu
lill-Korintin 1 Kor 10:1-6,10-12
Ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti, li missirijietna lkoll
kienu taħt is-sħaba,
ilkoll qasmu l-baħar, ilkoll kienu mgħammda f’Mosè
fis-sħaba u fil-baħar,
ilkoll kielu mill-istess
ikel spiritwali –
xorbu tassew mill-blata spiritwali li kienet timxi magħhom, u din il-blata
kienet Kristu –
madankollu l-biċċa l-kbira minnhom lil Alla
ma għoġbuhx għax ilkoll waqgħu mejta fid-deżert.
Dan ġara b’eżempju għalina, biex ma nixxennqux għal ħwejjeġ ħżiena, bħalma xxennqu huma.
Anqas ma għandkom tgergru, kif għamlu xi wħud minnhom, u qeridhom il-Qerried.
Dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bi twiddiba għalina
li fuqna wasal tmiem
iż-żminijiet.
Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax.
Il-Kelma tal-Mulej
℟ Irroddu ħajr lill Alla
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Mt 4:17
Indmu,
jgħid il-Mulej
għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda.
Qari mill-Evanġelju skont
San Luqa Lq 13:1-9
F’dak iż-żmien, ġew xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk
il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm
tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom.
U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn
il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu?
Le, ngħidilkom; imma
jekk ma tindmux,
ilkoll tintilfu bħalhom.
Jew dawk it-tmintax-il ruħ
li fuqhom waqa’ t-torri
ta’ Silwam u qatilhom,
taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra
ta’ Ġerusalemm?
Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda”.
U qalilhom din il-parabbola:
“Wieħed kellu siġra tat-tin imħawla fl-għalqa.
Mar ifittex il-frott fiha,
u ma sabx.
Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa:
‘Ara, ili tliet snin niġi nfittex
il-frott f’din is-siġra tat-tin,
u qatt ma sibtilha.
Mela aqlagħha!
Għax għalfejn se tibqa’
tkidd l-art?’.
Iżda dak wieġbu:
‘Inti ħalliha, sinjur,
għal din is-sena,
sa ma nagħżqilha madwarha
u nagħtiha d-demel.
Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott;
jekk le, aqlagħha’”.
Il-Kelma tal-Mulej
℟ Tifħir lilek Kristu
It-Tielet Ħadd tar-Randan
Sena Ċ
”Jekk ma tindmux,
ilkoll tintilfu
xorta waħda.”
Jiena nemmen f’Alla wieħed,
il-Missier li jista’ kollox,
li ħalaq is-sema u
l-art, dak kollu li jidher
u dak li ma jidhirx.
U f’Mulej wieħed Ġesù Kristu, Iben waħdieni ta’ Alla,
imnissel mill-Missier
qabel kull żmien.
Alla minn Alla, dawl minn dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul, natura waħda mal-Missier
u bih sar kollox.
Niżel mis-smewwiet għalina
l-bnedmin u għall-fidwa
tagħna. U ħa l-ġisem
bis-setgħa tal-Ispirtu
s-Santu minn Marija Verġni
u sar bniedem. Sallbuh għalina, bata taħt Ponzju Pilatu, miet u difnuh,
u fit-tielet jum qam
minn bejn l-imwiet, skont
il-Kotba mqaddsa,
u tela’ s-sema, u qieghed fuq
il-lemin tal-Missier.
U għandu jerġa jiġi
bil-glorja biex jagħmel ħaqq
mill-ħajjin u mill-mejtin, u
s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem. U fl-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja li ġej mill-Missier u mill-Iben:
li Hu meqjum u mweġġah flimkien mal-Missier u
mal-Iben. Hu li tkellem b’fomm il-profeti.
U fi Knisja waħda,
qaddisa, kattolika,appostolika.
Nistqarr magħmudija waħda
għall-maħfra tad-dnubiet.
U nistenna l-qawma
mill-imwiet, u l-ħajja
taż-żmien li ġej.
Ammen.
It-Tielet Ħadd tar-Randan
Sena Ċ
”Jekk ma tindmux,
ilkoll tintilfu
xorta waħda.”